Il-membri kollha tal-Kumitat dwar il-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ċaħdu kategorikament li ddiskutew il-qagħda finanzjarja tal-partit ma’ ġurnalist tat-Times of Malta, kif ġie mxandar b’mod falz it-Tlieta fl-istess gazzetta.
L-istqarrija tgħid li kemm ilu li ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia mill-ewwel iffokka fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partit tant li waqqaf il-Kumitat għall-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista biex jassigura li l-finanzi tal-partit ikunu sorveljati kontinwament. Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat jiddikjaraw li dejjem kienu infurmati b’kull inizjattiva.
Matul is-16 il-xahar li fihom ilu jmexxi l-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia flimkien mal-Kumitat għall-Finanzi tal-PN esploraw b’mod kostanti diversi soluzzjonijiet sabiex titjieb u tissolva l-qagħda finanzjarja preżenti, kemm billi jibnu fuq skemi li diġà taw frott fil-passat riċenti, kif ukoll modi ġodda bħalma hi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xi propjetajiet li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Dan biex ma jibqax jakkumula d-dejn u jiżdiedu l-interessi. Jiddikjara li bl-għajnuna tal-membri kollha tal-Kumitat għall-Finanzi tal-PN, Adrian Delia determinat iżjed minn qatt qabel li jimplimenta dan il-pjan. Huma tennew l-fiduċja tagħhom fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u fl-integrità u t-trasparenza li dejjem ħadem biha.
L-istqarrija hi ffirmata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit, Robert Arrigo, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, it-Teżorier, David Camilleri, iċ-Ċermen Eżekuttiv ta’ Media.Link Communications, Pierre Portelli, u l-Financial Controller, Malcolm Custò.
Huma saħqu li Adrian Delia fassal pjan ambizzjuż sabiex fuq medda ta’ għaxar snin il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista jitpoġġew fuq sisien sodi.
//= $special ?>