Internazzjonali

Jammetti dwar is-serq tad-data lill-politiċi fil-Ġermanja

Raġel ta’ 20 sena ammetta b’mod ‘komprensiv’ li kien responsabbli għal-leak tal- informazzjoni ( data) li affettwa mijiet ta’ Ġermaniżi ta’ profil għoli, inklużi diversi politiċi u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, innifisha.

Iż-żgħażugħ, jiem ilu, kien ippubblika data privata dwar politiċi, ġurnalisti u persuni ċelebri fuq Twitter, bl-investigaturi jiżvelaw li hu ‘għadu qed jistudja waqt li jgħix mal-ġenituri tiegħu’ fl-Istat ta’ Hesse.

Is-suspettat qal, sadanittant, li hu aġixxa waħdu u li għamel hekk ‘għaliex ħassu rrabjat bl-istqarrijiet min-naħa tal-personalitajiet pubbliċi li spiċċaw fil-mira tiegħu’.

Il-leak – li affettwa mal-1,000 persunalità — kien qanqal tħassib kbir dwar is-sigurtà fil-Ġermanja. Dan meta sfaw suġġetti għall-attakk il-politiċi ta’ kull partit politiku lokali, ħlief il-partit estremista tal-lemin, ‘Alternattiva għall-Ġermanja (AfD)’.

Il-pulizija federali fil-Ġermanja qalet li l-informazzjoni pubblikata online kienet tinkludi numri tat-telefon, indirizzi, data tal-karti tal-kreditu, ritratti u komunikazzjonijiet privati.

Intant, l-investigaturi għad ma jafux dwar il-preferenzi politiċi tas-suspettat – li hu ċittadin Ġermaniż — bl-istħarriġ qed ikompli.

Kien ikkonfermat ukoll li ż-żgħażugħ qed jikkoopera mal-awtoritajiet, fost rapporti li hu provda materjal li l-pulizija ma kenitx se ssib mingħajr l-għajnuna tiegħu.

Filwaqt li r-raġel qed ikun akkużat dwar ‘spjunaġġ’ u l-pubblikazzjoni ta’ data mingħajr awtorità, huwa minnu li tneħħielu l-mandat tal-arrest proviżjorju, bil-pulizija tieħu kont tal-età relattivament żgħażugħa tiegħu u l-fatt li hu kkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni.