Futbol Sport

L-Eġittu tirbaħ id-dritt li torganizza t-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani

(Ritratt: EPA)

L-Eġittu se tospita t-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani wara li għelbet l-isfida tal-Afrika ta’ Isfel. Fil-votazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-CAF li saret fis-Senegal, l-Eġittu rċeviet 16-il vot kontra l-vot tal-Afrika ta’ Isfel, b’nazzjon ieħor jastjeni.

L-Eġizzjani għandhom biss sitt xhur biex jorganizzaw għall-fażi finali ta’ 24 nazzjon, bil-kompetizzjoni tibda f’Ġunju. Dan wara li l-Kamerun tneħħielhom id-dritt li jorganizzaw it-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani minħabba li kienu lura fil-preparazzjoni. Din se tkun il-ħames darba li l-Eġittu se jorganizzaw din il-kompetizzjoni, bl-aħħar darba tkun fl-2006 fejn kienu ħarġu rebbieħa.

“Irrid nirringrazzja lill-Kumitat Eżekuttiv tal-CAF tal-fiduċja u nirringrazzja lill-gvern tas-sapport. Aħna organizzajna t-tournament fl-2006 u dan hu ta’ sfida biex inkunu aħjar. Il-garanzija mingħand il-gvern għenet lilna biex negħlbu lill-Afrika ta’ Isfel u dan se jgħina biex ikollna tournament tajjeb. Il-partitarji se jerġgħu jkunu fl-istadiums inwiegħed,” qal il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Eġizzjana Ahmed Shobair.

L-Eġittu se tuża tmien stadium waqt it-tournament f’ħames ibliet different. Dawn huma Alexandria, Ismailia, Port Said, Suez u l-kapitali Kajr. Il-fażi finali mistennija ssir bejn il-15 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju.

Il-CAF offriet iċ-ċans lill-Kamerun biex jorganizzaw il-fażi finali sentejn oħra, li jfisser li l-organizzaturi tal-2021 u tal-2023 kienu mitluba biex jipposponu l-organizzazzjoni b’sentejn. Il-Kosta tal-Avorju li kienu mistennija jorganizzaw l-edizzjoni tal-2021, ipprotestaw id-deċiżjoni mal-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport. Il-Federazzjoni tal-Guinera ħabbret it-Tnejn li kienet qablet li tmexxi l-organizzazzjoni mill-2023 għal sentejn wara.