Mara Sawdija ta’ 18-il sena li ħarbet lil familtha fi tmiem il-ġimgħa, fl-aħħar sigħat, irrepetiet it-talba biex tingħata kenn politiku f’xi pajjiż mill-Kanada, l-Istati Uniti, l-Awstralja u r-Renju Unit.
Rahaf Mohammed al-Qunun, fil-bidu tal-ġimgħa, irrifjutat li taqbad ajruplan minn Bangkok, fit-Tajlandja, lejn il-Kuwajt u fejn hi ssakkret f’kamra tal-lukanda fl-ajruport.
Al-Qunun qed tibża’ li l-familja tagħha tasal biex toqtolha peress li hi rrinunċjat għall-Islam u meta, bħalissa, tinsab taħt ir-responsabbiltà tan-Nazzjonijiet Uniti f’Bangkok.
Persuna li tiċħad l-Islam fl-Arabja Sawdija tista’ tkun suġġetta għall-piena kapitali, iżda l-uffiċjali għall-immigrazzjoni Tajlandiżi qalu li l-mara ‘għandha tmur lura ma’ familtha’ fil-pajjiż Għarbi.
Fl-aħħar talba ddisprata għall-kenn, il-mara — li bħalissa hi residenti f’xelter tal-Gvern Tajlandiż — esprimiet ‘preferenza għall-Kanada’; bl-account tagħha fuq Twitter jattira mal-50,000 segwaċi f’jum u nofs biss. Għalkemm missierha u ħuha, issa, marru f’Bangkok biex jarawha, hi qed tirrifjuta li tiltqa’ magħhom.
Il-Gvern tal-Awstralja hu ‘sodisfatt’ li l-aġenzija tan-NU għar-refuġjati (UNHCR) qed tevalwa t-talba tal-mara biex tingħata l-kenn u qal li kull applikazzjoni tagħha għal visa umanitarja se tkun ikkunsidrata ladarba l-proċess ( tal-UNHCR) ikun konkluż. Il-proċess inkwistjoni mistenni jdum diversi ġranet, bl-ambaxxata tas-Sawdi f’Bangkok jiċħad li l-Arabja Sawdija qed tinsisti għall-estradizzjoni ta’ al-Qunun.
//= $special ?>

