Il-plejer ta’ Liverpool Mohamed Salah rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-Afrika għat-tieni sena konsekuttiva. Salah irċieva dan l-unur fiċ-ċerimonja tal-unuri tal-Konfederazzjoni tal-Futbol Afrikana li saret f’Dakar fis-Senegal.
Hu għeleb lil sieħbu ta’ Liverpool Sadio Mane u l-attakkant ta’ Arsenal Pierre-Emerick Aubameyang. Dawn l-istess żewġ plejers kienu wkoll mat-tliet finalisti tal-istaġun, bid-Diretturi Tekniċi u l-kowċis tas-56 membru tal-CAF jivvutaw. Aubameyang spiċċa mal-ewwel tlieta f’ħames okkażjonijiet u rebaħ darba fl-2015.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Salah qal li ħolom li jirbaħ dan l-unur minn meta kien tifel u b’umiltà qal li issa għandu żewġ unuri. Salah kien strumentali l-istaġun li għadda għal Liverpool b’44 gowl skorjat fi staġun, filwaqt li għen lil Liverpool jaslu sal-finali taċ-Champions League. Hu lagħab ukoll fit-Tazza tad-Dinja mal-Eġittu.
F’dan l-istaġun, Salah ma skorjax daqs kemm kien qed jiskorja l-istaġun li għadda, iżda xorta skorja 16-il gowl f’29 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha.
//= $special ?>