It-tliet darbiet rebbieħ ta’ titli maġġuri Padraig Harrington inħatar il-captain tat-tim tal-Ewropa għar-Ryder Cup tal-2020, anqas minn erba’ xhur wara li għen lit-tim għar-rebħa kbira fuq l-Istati Uniti f’Pariġi.
L-Irlandiż, rebbieħ tal-Open fl-2007 u fl-2008 u USPGA Championship fl-2008, kien il-favorit li jieħu post Thomas Bjorn tad-Danimarka għat-tournament li jmiss, wara li kien Viċi Captain fl-aħħar tliet edizzjonijiet tar-Ryder Cup. Harrington lagħab f’sitt edizzjonijiet konsekuttivi tar-Ryder Cup bejn l-1999 u l-2010 u għen lit-tim Ewropew.
Hu t-tielet captain Irlandiż tat-tim tal-Ewropa fl-aħħar erba’ edizzjonijiet tal-logħba. Paul McGinley kien captain tat-tim rebbieħ fl-2014 u sentejn wara Darren Clarke tilef fl-art Amerikana. It-tnejn li huma kienu fil-kumitat ta’ ħames persuni li għażlu l-captain.
Harrington li għandu 47 sena, ilu ma jirbaħ Tour Ewropew minn meta rebaħ il-Masters tal-Portugall fl-2016 u f’Awwissu li għadda spiċċa t-tieni fil-Masters tar-Repubblika Ċeka. It-Tim tal-Ewropa ddomina r-Ryder Cup fl-aħħar snin b’disa’ rebħet mill-aħħar 12-il edizzjoni.
//= $special ?>