Penalty ta’ Harry Kane fl-ewwel taqsima spiċċa biex kien id-differenza fir-rebħa ta’ Tottenham fuq Chelsea bl-iskor ta’ 1-0, fl-ewwel leg tas-semifinali tal-League Cup li ntlagħbet f’Wembley Stadium. Kane twaqqa’ fil-kaxxa minn Kepa Arrizabalaga f’nofs l-ewwel taqsima, bir-referee Michael Oliver jordna l-penalty wara li konsultazzjoni mal-VAR minħabba dubju ta’ offside u l-fawl.
Fit-tieni taqsima, Chelsea ddominaw il-pussess u kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor iżda minkejja l-pressjoni naqsu li tal-anqas iġibu l-gowl tad-draw. Fatt interessanti kien li l-manager ta’ Chelsea Maurizio Sarri beda mill-bidu lil Callum Hudson-Odoi li qed jinteressa mhux ftit lil Bayern Munich.
Din kienet it-tielet rebħa konsekuttiva ta’ Tottenham fuq Chelsea, xi ħaġa li għamlu għall-ewwel darba minn bejn is-snin 1961 u l-1963. It-tieni leg fi Stamford Bridge tintlagħab fl-24 ta’ Jannar.
//= $special ?>