Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tinsisti għal dibattitu parlamentari dwar l-art li se tingħata lill-Corinthia

Rapport dwar xogħlijiet ħżiena fil-binja tal-parlament

Fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra l-Oppożizzjoni Nazzjonalista nsistiet li jsir dibattitu parlamentari dwar l-għoti tal-art bi prezz kunsidrat baxx lill-Corinthia Group kif innegozjah il-Ministru Konrad Mizzi.

Din il-pożizzjoni l-Oppożizzjoni ħaditha llum fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra permezz tal-Viċi-Kap David Agius u l-Whip Robert Cutajar Cutajar li nforma lill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra li l-Oppożizzjoni se tkun tivvota kontra l-kuntratt kif negozjat mill-Ministru Konrad Mizzi; liema kuntratt kien preżentat qabel il-Milied fil-Kumitat tal-Verifika.

L-Oppożizzjoni talbet biex hu stipulat fil-liġi, wara li kien dikjarat li l-Oppożizzjoni mhix se tivvota mal-gvern, għandha issir diskussjoni fil-plenarja.

Dan il-każ kien trattat ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li ddikjara l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni kontra l-mod kif saru n-negozjati. Il-kuntratt kien mar quddiem il-kumitat tal-Verifikaltiet fejn il-membri tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami u Mario de Marco ivvutaw kontra. F’dan il-umitat il-Whip Robert Cutajar hu nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Ftit qabel l-aħħar tas-sena lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista sariltu preżentazzjoni mill-uffiċjali tal-Corinthia dwar il-proġett propost.

Il-kumitat tal-Kamra tratta wkoll il-binja tal-parlament fejn l-Ispeaker tal-Kamra Anġu Farrugia qal li qed isir rapport dwar xogħlijiet ħżiena li saru fil-binja tal-parlament.

Dan tħabbar waqt l-istess seduta tal-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ llum. Is-suġġet tqajjem mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li appella biex jitħaffef il-proċess minħabba li l-Kamra tal-Oppożizzjoni m’hix tingħalaq, daħal l-ilma u telgħet l-art.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li qed isir rapport dwar il-problemi tax-xogħlijiet li saru fil-parlament; liema problemi huma kbar. Ir-rapporti inizjali huma li x-xogħol li sar kien kollu ħażin u li issa se jkun ikkunsidrat min se jagħmel ir-rimedji. Hu qal li suppost li x-xogħlijiet saru sew iżda ma sa xejn sew.

L-Ispeaker kompla li hu talab rapport għaliex qed jidħol l-ilma minn diversi postijiet fejn qed jirriżulta anki sadid fejn mhux suppost li dan ħareġ. Anġlu Farrugia kompla li l-kuntrattur orġinali ta kuntratti li kuntratturi oħra u hemm kawżi li diġà bdew fil-qorti. Minkejja dan hemm pagamenti li diġà tħallsu u ma nżammux ħlasijiet minħabba xogħol ħażin.

L-Ispeaker kompla li l-problema mhix ta’ xi xaqq bejn ġebla u oħra iżda hemm massakru ta’ xogħol ħażin fil-proġett.

Hu sostna li qed isir rapport dettaljat minn inġinier biex jittieħdu l-miżuri inizjali u oħra permanenti. Min wettaq ix-xogħlijiet irid ikun responsabbli, sostna Anġlu Farrugia, li kompla li se jsiru x-xogħlijiet temporanji fosthom li jkun jista’ jingħalaq il-bieb tal-Kamra tal-Oppożizzjoni.

Jirriżilta li l-ħġieġ twaħħal ħażin b’mod tant li x-xemx qed tidħol ġewwa iżda l-ħlasijiet saru xorta. Ħadd ma jrid jieħu r-responsbabilta ta’ xogħol manifestament ħażin iżda tħalls kulħadd; tħallsu l-miljuni, sostna l-Ispeaker.