Sport Sport Ieħor

Sebastian Loeb jirbaħ it-tieni stadju tar-Rally ta’ Dakar fil-Perù

Id-disa’ darbiet champion tad-dinja Sebastien Loeb rebaħ it-tieni stadju tar-Rally ta’ Dakar fid-deżert Peruvjan, f’Giniel De Villiers jitla’ fil-quċċata għat-tim tiegħu Toyota. De Villiers li rebaħ ir-Rally fl-2009, jinsab bi 28 sekonda vantaġġ fuq Bernhard ten Brinke u 42 sekonda fuq l-Ispanjol Nani Roma fuq Mini. L-istadju kien twil 342 kilometru minn Pisco għal San Juan de Marcona.

“Finalment kienet strateġija tajba għaliex ma kienx ta’ vantaġġ għalina li nibdew wara l-leaders, anki jekk konna ftit lura aktar milli xtaqna. Kien stadju speċjal mingħajr żbalji żgħar. Qed nerġa’ nieħu l-impressjoni tajba għaliex għamilt biss madwar 100 kilometru ta’ testijiet mis-sena l-oħra,” qal il-Franċiż.

Nasser Al-Attiyah li kien fuq quddiem matul il-lejl, niżel fit-tmien post u spiċċa kważi tliet minuti u nofs wara De Villiers. L-Ispanjol Carlos Sainz li qed jiddefendi t-titlu li rebaħ is-sena l-oħra, jinsab fis-sitt post wara li tilef il-ħin minħabba żewġ punctures.

It-13-il darba rebbieħ Stephane Peterhansel tilef madwar kwarta wara waqfa twil fl-istadju, qabel ma ngħata l-għajnuna minn sieħbu Cyril Despres. Ir-rally li mill-2009 qed issir fl-Amerika ta’ Isfel flok l-Afrika minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, tintemm f’Lima fis-17 ta’ Jannar.