Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, wasal f’Beijing għal żjara li ma ngħatatx pubbliċità minn qabel u meta hu laqa’ l-istedina speċifika tal-President Ċiniż, Xi Jinping.
Kim se jibqa’ fiċ-Ċina sal-Ħamis, meta hu akkumpanjat, fost oħrajn, minn martu, Ri Sol-ju.
Intant, iż-żjara jista’ ikollha sinifikat partikulari, fost rapporti li għaddejjin in-negozjati dwar tieni summit bejn Kim Jong-un u l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.
Dan wara l-laqgħa storika ta’ bejniethom li saret is-sena l-oħra (f’Ġunju) u li kienet ukoll l-ewwel summit ta’ dan it-tip għal President Amerikan fil-kariga.
Iż-żjara ta’ Kim f’Beijing kienet ikkonfermata wara li l-ferrovija distintiva tiegħu waslet fi stazzjon fil-kapitali Ċiniża – bil-Mexxej Korean komunista, imbagħad, jivvjaġġa f’konvoj ta’ karozzi ( u taħt sigurtà kbira) miċ-ċentru tal-belt.
Din hi r-raba’ żjara ta’ Kim fiċ-Ċina f’anqas minn sena u fejn miegħu hemm numru ta’ uffiċjali importanti tar-reġim li jmexxi. Iċ-Ċina hi alleata kruċjali tal-Korea komunista minbarra li hi wkoll sors ewlieni għall-kummerċ u l-għajnuna għal Pyongyang.
Xi osservaturi, intant, qed jgħidu li Kim Jong-un ‘hu ħerqan biex juri lill-Istati Uniti li għandu l-għażliet diplomatiċi u ekonomiċi ( b’mod partikulari min-naħa taċ-Ċina) minbarra dawk li kapaċi joffru Washington u l-Korea t’Isfel’.
Filwaqt li mhux eskluż li ż-żjara attwali ta’ Kim fiċ-Ċina qed issir biex il-pajjiżi ‘jikkoordinaw l-istrateġiji komuni’, ma naqsitx l-ispekulazzjoni li għandha ssir dalwaqt ‘tieni summit’ bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq. Dan ukoll meta Donald Trump, jiem ilu, qal li ‘fil-futur qarib għandha titħabbar lokalità għal laqgħa oħra ( bejnu u Kim Jong-un).’
//= $special ?>

