Lokali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Jaslu Malta l-immigranti li tħallew 19-il jum f’nofs ta’ baħar

- Sodisfazzjon mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista li l-persuni ġew salvati - L-Unjoni Ewropea tintervjeni biex issolvi s-saga tal-immigranti

Hu ta’ sodisfazzjon għal kulħadd li issa, l-Unjoni Ewropea qed tagħti l-importanza mistħoqqa lill-problema tal-immigrazzjoni fil-Mediterran.

Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għall-aħbar li ġiet riżolta s-saga tad-49 persuna abbord is-Sea Eye u s-Sea Watch, bl-immigranti jitniżżlu Malta għall-ħabta tal-4pm u se jkunu rilokati lejn tmien pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Adrian Delia nnota kif hu, bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, għamel diversi appelli fl-isfera Ewropej – partikolarment fost il-Mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew. Għalhekk, issa hu ta’ sodisfazzjon għalih ukoll li l-Unjoni Ewropea qed tgħin, bl-impenn tal-istituzzjonijiet diversi tagħha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla billi esprima s-sodisfazzjon tiegħu li kulħadd segwa r-regoli stabbiliti biex din il-kwistjoni setgħet tispiċċa b’wiċċ il-ġid. Dan wara li d-49 persuna baqgħu jinżammu għal 19-il jum abbord iż-żewġ bastimenti ta’ għaqdiet mhux governattivi.

Adrian Delia tenna s-sodisfazzjon tiegħu li bl-intervent tal-istituzzjonijiet Ewropej, qed tingħata l-prijorità lill-ħajja umana, tant li ġew salvati dawk li fl-aħħar jiem tħallew bejn sema u ilma.

L-aħbar li d-49 immigrant abbord is-Sea Eye u s-Sea Watch kienu se jinġiebu lejn Malta ngħatat mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja. Hu rrikonoxxa li din is-sitwazzjoni setgħet tissolva grazzi għall-intervent tal-Kummissjoni Ewropea.

Fi kliem Muscat, il-Kummissjoni mmexxija minn Jean Claude Juncker ħadet ir-rwol ta’ mexxejja meta rat li jkollha l-konferma ta’ tmien Stati Membri, li offrew li jieħdu l-immigranti.

Il-konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Minisru waslet wara jiem ta’ silenzju mill-Gvern Malti u jiem ta’ battibekki mal-Gvern Taljan. Hu spjega li mal- Kummissjoni Ewropea, hu aċċetta li jilqa’ lil dawn l-immigranti f’pajjiżna bi tpartit għal parti sostanzjali mill-immigranti li daħlu fl-aħħar jiem.

Fil-fatt, Muscat spjega li mill-kważi 300 immigrant li daħlu b’kollox fl-aħħar jiem, 220 se jkunu rilokati lejn il-pajjiżi Ewropej li aċċettaw jew jintbagħtu lura lejn minfejn ġew.

Appena spiċċat il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru, laneċ tal-Forzi Armati ta’ Malta avviċinaw iż-żewġ bastimenti tal-NGOs biex l-immigranti jkunu trasferiti għal fuqhom. Minn hemm, huma bdew triqthom lejn Xatt it-Tiben biex jinżlu f’pajjiżna qabel ma jkunu rilokati.

Dwar ir-relazzjoni bejn Malta u l-Italja wara dan il-każ, il-Prim Ministru qal li ż-żewġ pajjiżi jibqgħu sħab, għalkemm b’pożizzjoni kemmxejn differenti dwar kif għandha tiġi trattata l-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Min-naħa l-oħra, Muscat qal li l-Libja qed tagħmel dak kollu possibbli, minkejja d-diffikultajiet li għad hemm fil-pajjiż. Tenna li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lil-Libja biex tiżviluppa r-riżorsi tagħha.

Sadanittant, stqarrijiet ta’ sodisfazzjon għal kif giet rizolta din il-kwistjoni ħarġu mill-Isqfijiet Maltin u mill-Fondazzjoni Aditus, fost l-oħrajn.