Futbol Sport

Fiorentina jirbħu l-Visit Malta Tournament

(Ritratt: Domenic Aquilina)

It-tim tas-Serie A Fiorentina rebaħ kif mistenni l-edizzjoni tal-Visit Malta Tournament wara li għelbu lil Hibernians u Gżira United f’tournament triangolari ta’ 45 minuta kull logħba. Quddiem attendenza ta’ 1375, Fiorentina urew id-differenza fil-livell b’dominanza kontra Hibernians filwaqt li kkontrollaw kontra Gżira United wara żewġ gowls kmieni. B’hekk dan it-tournament ġab fi tmiemu l-kamp ta’ taħriġ ta’ Fiorentina f’pajjiżna, jiem li għalihom kienu suċċess hekk kif faħħru l-faċilitajiet kif ukoll l-ospitalità li kellhom.

HIBERNIANS………. 0   GŻIRA U………………. 2

Gżira United għelbu lil Hibernians 2-0 fil-konfront bejn iż-żewġ leaders tal-kampjonat Premier. Gżira fetħu l-iskor wara 16-il minuta meta Nemanja Radojevic waqqa’ fil-kaxxa lil Sofian Domoraud. Mill-11-il metru Zach Scerri għeleb lil Rudy Briffa. Il-Maroons marru viċin it-tieni gowl b’xutt fil-baxx ta’ Domoraud li kien imdawwar f’korner minn Briffa. Mill-istess korner mogħti minn Zarate, Sacha Borg irdoppja l-iskor meta skorja b’daqqa ta’ ras.

HIBERNIANS……….. 0   FIORENTINA……….. 6

Hibernians kienu umiljati b’telfa ta’ 6-0 kontra Fiorentina. Il-logħba kellha faċċata waħda, bil-Viola jattakkaw diversi drabi. Federico Chiesa ħoloq l-ewwel periklu b’xutt mil-lemin li għadda ftit barra. MARCO BENASSI fetaħ l-iskor fis-sitt minuta, b’xutt mill-ewwel bix-xellug fir-rokna wara li Radojevic naqas li jbiegħed il-periklu. Erba’ minuti wara, xutt b’saħħtu ta’ Cyril Thereau għadda ftit għoli.

Fiorentina rduppjaw fis-16-il minuta meta Chiesa twaqqa’ minn Radojevic fil-kaxxa biex mill-11-il metru LUIS MURIEL skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ Fiorentina. L-iskor sar 3-0 minuta wara, bl-istess LUIS MURIEL irċieva mingħand Benassi, ġibed għan-nofs u għeleb lil Briffa b’xutt fil-baxx.

Aktar gowls komplew ġejjin fit-23 minuta meta Chiesa bit-takkuna għadda lejn CYRIL THEREAU li f’pożizzjoni dubjuża ta’ offside għeleb lil Briffa mill-viċin. Hibernians wieġbu fit-33 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Tiago Fonseca li għadda ftit barra.

L-iskor sar 5-0 fid-39 minuta meta Federico Chiesa għadda mix-xellug lejn LUIS MURIEL li minn ftit metri bogħod skorja f’lasta vojta. Qabel tmiem il-logħba, it-tim ta’ Stefano Pioli sab ix-xibka għas-sitt darba bi kross mix-xellug ta’ Chiesa lejn MARCO BENASSI li skorja mill-viċin.

FIORENTINA……….. 2   GŻIRA U………………. 0

Fiorentina kisbu t-tieni rebħa wara li għelbu lil Gżira United 2-0. Il-logħba kellha bidu simili minn dik ta’ qabilha hekk kif Fiorentina fetħu l-iskor wara tliet minuti, bi kross mix-xellug indirizzat fil-kaxxa, iżda fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu, Sacha Borg spiċċa tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess.

Huma rduppjaw il-vantaġġ fis-seba’ minuta b’xutt fil-baxx ta’ Jordan Veretout li spiċċa għeleb lil Justin Haber, bil-gowlkiper veteran kellu jagħmel aħjar fl-azzjoni.

Bil-logħba deċiża, Fiorentina naqqsu ftit mir-ritmu iżda xorta kellhom okkażjonijiet ta’ skor, fosthom daqqa ta’ ras ta’ Giovanni Simeone li kienet salvata minn Haber, filwaqt li Marco Pjaca laqat il-lasta. Gżira laqtu l-lasta fit-28 minuta b’xutt fil-baxx mill-kaxxa ta’ Justin Mengolo li stampa ma’ sieq il-lasta. Disa’ minuti wara, xutt ta’ Kevin Mirallas għadda ftit barra.