Lokali

Għaxar snin ta’ ħidma li taw ħajja mill-ġdid lill-Belt Valletta – Jirriżenja s-Sindku Alexiei Dingli

“Tul l-għaxar snin li għamilt bħala Sindku, int ikkontribwejt sabiex il-Belt Valletta ħadet il-ħajja mill-ġdid.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-konfront tas-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli waqt laqgħa fid-Dar Ċentrali hekk kif ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni ta’ Mejju li ġej u irriżenja minn Sindku u kunsillier wara iktar minn 10 snin.

Hu qal li kienet deċiżjoni iebsa għaliex l-esperjenza tiegħu bħala Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Belt Kapitali ta’ Malta kienet waħda sabiħa ħafna. Il-Professur Dingli fakkar li hu ilu attiv fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar 30 sena u tenna li r-riżenja minn mal-Kunsill Lokali ma tfissirx it-tmiem tal-involviment tiegħu fil-PN

Min-naħa tiegħu, Adrian Delia qal li filwaqt li qed jilqa’ r-riżenja b’dispjaċir, hu rringrazzja l-kontribut li ta Alexiei Dingli, kemm fil-Partit Nazzjonalista kif ukoll fil-Belt Valletta. Fakkar li hu ħadem għal diversi snin fil-Belt Valletta u seta’ jara b’għajnejh kif il-ħidma tal-Kunsill Lokali, immexxija minn Alexiei Dingli, biddlet wiċċ il-Belt Kapitali.

Preżenti għall-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista David Stellini