Ewropa Lokali

“Ħalluhom jinżlu l-art” – Adrian Delia

“Ħamest itfal huma fost dawk id-49 immigrant li għadhom fuq il-baħar. Nappella lill-awtoritajiet sabiex iħalluhom jinżlu fuq l-art”.

Hekk tgħid Tweet li għamel tard it-Tlieta filgħaxija il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia b’referenza għall-immigranti li issa ilhom 18-il jum fuq żewġ vapuri ftit ‘il bogħod minn xtutna.

Il-grupp ta’ immigranti qed jistennew li port Malti jew Taljan jilqagħhom sabiex tintemm darba għall dejjem din il-ħolma kerha li bdiet kważi tlett ġimgħat ilu.

Minkejja li tlett pajjiżi offrew li jieħdu lill-grupp kollu, jidher li nħolqot pika bejn Malta u l-Italja dwar fejn għandhom jinżlu dawn il-persuni.

L-immigranti jinsabu fi stat ta’ disperazzjoni u f’attentat li jagħmlu pressjoni qattgħu saħansitra xi jiem mingħajr ma jieklu. Iżda hekk kif is-saga tagħhom qed tkompli titwal, huma reġgħu bdew jieklu waqt li jittamaw li xiħadd, fl-Ewropa, jagħmel xi ħaġa biex isalvahom.

Fil-grupp, kif qal Adrian Delia fit-Tweet tiegħu, hemm ħamest itfal u għadd ta’ nisa.

Ma dan l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalisa, ingħaqdu wkoll il-Kamra Maltija tal-Psikologi u l-Assoċċjazzjoni li tirrappreżenta lis-Social Workers.