Ambjent Lokali

L-ART TAL-CORINTHIA: L-Oppożizzjoni tinsisti għal dibattitu parlamentari

Fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra l-Oppożizzjoni Nazzjonalista nsistiet li jsir dibattitu parlamentari dwar l-għoti tal-art bi prezz kunsidrat baxx lill-Corinthia Group kif innegozjah il-Ministru Konrad Mizzi.

Din il-pożizzjoni l-Oppożizzjoni ħaditha llum fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra permezz tal-Viċi Kap David Agius u l-Whip Robert Cutajar Cutajar li informa lill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra l-kuntratt kif negozjat mill-Ministru Konrad Mizzi; liema kuntratt kien preżentat qabel il-Milied fil-Kumitat tal-Verifika.

L-Oppożizzjoni talbet biex kif hu stipulat fil-liġi, wara li kien dikjarat li l-Oppożizzjoni mhix se tivvota mal-gvern, għandha ssir diskussjoni fil-plenarja.

Dan il-każ kien trattat ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li ddikjara l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni kontra l-mod kif saru n-negozjati. Il-kuntratt kien mar quddiem il-Kumitat tal-Verifika fejn il-membri tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami u Mario de Marco se jivvutaw kontra. F’dan il-Kumitat il-Whip Robert Cutajar hu nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Ftit qabel l-aħħar tas-sena lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista sariltu preżentazzjoni mill-uffiċjali tal-Corinthia dwar il-proġett propost.

Il-Kumitat tal-Kamra tratta wkoll il-binja tal-Parlament fejn l-Ispeaker tal-Kamra Anġu Farrugia qal li qed isir rapport dwar xogħlijiet ħżiena li saru fil-binja tal-parlament.

Dan tħabbar waqt l-istess seduta tal-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ lbieraħ. Is-suġġet tqajjem mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li appella biex jitħaffef il-proċess minħabba li l-Kamra tal-Oppożizzjoni mhix tingħalaq, daħal l-ilma u telgħet l-art.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li qed isir rapport dwar il-problemi tax-xogħlijiet li saru fil-parlament; liema problemi huma kbar. Ir-rapporti inizjali huma li x-xogħol li sar kien kollu ħażin u li issa se jkun ikkunsidrat min se jagħmel ir-rimedji.

L-Ispeaker qal li talab rapport għaliex qed jidħol l-ilma minn diversi postijiet fejn qed jirriżulta anki sadid fejn mhux suppost li dan ħareġ. Anġlu Farrugia kompla li l-kuntrattur orġinali ta kuntratti lil kuntratturi oħra u hemm kawżi li diġà bdew fil-qorti.

Hu sostna li qed isir rapport dettaljat minn inġinier biex jittieħdu l-miżuri inizjali u oħrajn permanenti.

L-Ispeaker sostne li ħadd ma jrid jieħu r-responsabbilta ta’ xogħol manifestament ħażin iżda tħallas kulħadd u tħallsu l-miljuni.