Manchester City assiguraw posthom li jilagħbu l-finali tal-League Cup meta umiljaw lit-tim ta’ League 1 Burton Albion b’rebħa kbira ta’ 9-0 fl-Etihad Stadium.
Huma fetħu l-iskor wara ħames minuti b’daqqa ta’ ras ta’ Kevin De Bruyne u wara li Burton Albion kellhom ċans tajjeb fit-12-il minuta, Gabriel Jesus irdoppja l-iskor b’daqqa ta’ ras ukoll man-nofs siegħa, biex erba’ minuti wara l-istess plejer skorja t-tielet gowl b’xutt fil-baxx. Olexandr Zinchenko skorja r-raba’ gowl fis-37 minuta meta qabbeż fuq Bradley Collins b’City jidħlu jistrieħu 4-0 minn fuq.
Il-festa ta’ gowls kompliet fit-tieni taqsima, b’Gabriel Jesus jgħaqqad it-tripletta fis-57 minuta b’daqqa ta’ ras oħra mill-viċin. Iż-żagħżugħ Phil Foden skorja s-sitt gowl ħames minuti wara meta l-ballun spiċċa fid-direzzjoni tiegħu biex skorja mill-qrib.
Gabriel Jesus kompla jkabbar l-iskor tliet minuti wara meta kompla għal ġewwa wara kross mix-xellug ta’ Leroy Sane. Id-difensur Kyle Walker għamilhom tmienja fis-70 minuta b’xutt mill-ewwel wara kross mix-xellug ta’ Mahrez, biex l-Alġerin issiġilla r-rebħa bid-disa’ gowl fit-83 minuta meta mattar saqajh biex għeleb lil Collins.
//= $special ?>