Futbol Sport

Min ma jridx jagħmel dak li qed nitlob mingħandu, jista’ jitlaq – John Arne Riise, Direttur Sportiv ta’ Birkirkara

Kliem ċari u diretti f’kummenti li dan is-sit ħa lid-Direttur Sportiv il-ġdid ta’ Birkirkara John Arne Riise. Persuna li fil-karriera tiegħu ta’ plejer lagħab f’livell għoli fejn saħansitra rebaħ il-UEFA Champions League u issa jinsab f’din l-esperjenza ġdida ma’ Birkirkara fil-Kampjonat Premier.

Riise qal li l-kuntatti ma’ Birkirkara bdew bejn tlieta u erba’ ġimgħat ilu fejn tkellem mad-Direttur Tekniku Michael Valencia u sar jaf li qed ifittxu għal din il-kariga u wera l-interess li jagħti l-kontribut tiegħu. Wara tkellem mal-President Frank Zarb li ried jibdel xi affarijiet.

Fl-irwol tiegħu ta’ Direttur Sportiv, Riise għandu taħt idejh it-tmexxija tat-tim u dak kollu madwar it-tim. Hu kellu kliem pożittiv għal dak li ra sa issa fejn qal li ra plejers li jridu jaħdmu iebes. Hu se jkun qed jaħdem mal-kowċ Mark Buttigieg fejn jippjana s-sessjonijiet u fil-ġurnata tal-logħob se jkun preżenti wkoll.

Preżentament jeżisti kunflitt bejn Birkirkara FC u Paul Zammit minħabba l-prinċipji ta’ Zammit li hu fl-irwol tiegħu bħala Head Coach fil-kuntratt, ma jaċċettax persuni li jikkmandaw lilu fis-settur tekniku. B’hekk fuq il-karta, Zammit għadu Head Coach tat-tim iżda jinsab skużat mill-klabb milli jattendi s-sessjonijiet. Għaldaqstant sakemm tissolva din il-kwistjoni, Birkirkara ma jistgħux jaħtru uffiċjalment kowċ.

Minkejja li ilu fil-kariga għal ftit jiem, in-Norveġiż qal li ra kważi l-logħbiet kollha ta’ Birkirkara sa issa u ma jridx jibdel ħafna affarijiet, iżda jrid jara d-determinazzjoni u l-aggressività fil-plejers. Hu sostna u kien ċar li l-President irid jibdel l-affarijiet u saħaq li “min ma jridx jagħmel ix-xogħol mitlub minnu, jista’ jitlaq. Hi iebsa għall-plejers iżda sa issa jidher li qed jogħġobhom ix-xogħol.”

F’dawn il-jiem, Birkirkara kienu attivi ħafna fis-suq tat-trasferimenti minħabba li jridu jkunu kompettivi. “Min jitħarreġ l-aqwa se jilgħab,” qal Riise. Hu kompla li jrid jisfida għar-rebħ tal-unuri iżda fl-ewwel tliet ġimgħat irid isir jaf aktar lit-tim.

Kawża ta’ dan se jkun hemm xi plejers li jkunu jridu jitilqu minħabba li ma jkunux qed jilagħbu. Riise kompla li qed jistenna dan li se jseħħ u minkejja li ma żvelax min, qal li hi ħaġa naturali li xi plejers jitilqu.

Minbarra d-determinazzjoni u l-aggressività, il-pjan tekniku ta’ Riise hu li jilagħbu l-istil tagħhom għaliex jinsab kunfidenti li jekk iseħħ dan jirbħu l-logħba. B’referenza għal-logħba li jmiss hu qal li “Balzan iridu jinkwetaw għalina. Naf x’irrid nagħmel u fejn irrid immur,” temm Riise.