Futbol Sport

Pavard ma’ Bayern Munich mis-sajf li ġej

Bayern Munich għamlu akkwist importanti għall-istaġun li ġej hekk kif akkwistaw il-firma tal-Franċiż rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja Benjamin Pavard mingħand Stuttgart. Id-Direttur Sportiv taċ-champions Ġermaniżi Hasan Salihamidzic qal li d-difensur ta’ 22 sena ffirma kuntratt ta’ ħames snin.

Salihamidzic ħabbar dan it-trasferiment fil-kamp ta’ taħriġ ta’ Bayern Munich f’Doha fil-Qatar, bil-kuntratt ta’ Pavard se jibda mill-1 ta’ Lulju li ġej. Hu mifhum li Bayern Munich ħallsu s-somma ta’ €35 miljun.

“Pavard hu plejer żagħżugħ u champion tad-Dinja. Aħna kuntenti u kburin ħafna li rnexxielna nassiguraw is-servizzi ta’ plejer bħalu,” qal id-Direttur Sportiv tal-klabb. Pavard kellu Tazza tad-Dinja impressjonanti, bil-gowl spettakolari li skorja kontra l-Arġentina fir-rawnd tal-aħħar 16 jibqa’ fl-imħuħ.

Wara t-Tazza tad-Dinja, ħafna kienu l-klabbs li kienu interessati fih iżda rritorna ma’ Stuttgart. F’dan l-istaġun qed isibuha diffiċli fil-Bundesliga u jinsabu fis-16-il post. Pavard kien ingħaqad ma’ Stuttgart mingħand Lille fl-2016 u kien għenhom biex jirritornaw bil-Bundesliga.