Lokali

Ukren jitlef ħajtu wara li waqa’ l-baħar fix-Xatt tal-Exiles

Ukren ta’ 26 sena residenti San Ġiljan tilef ħajtu wara li għall-ħabta tal-4.20pm waqa’ l-baħar fix-Xatt tal-Exiles u sab xi diffikultajiet.

Fl-inċident weġġgħu żewġ Ukreni oħra, ta’ 26 u ta’ 25 sena ukoll residenti San Ġiljan, li qabżu għall-vittma bit-tama li jgħinuh. Madankollu, huma ma rnexxielhomx jagħmlu dan minħabba l-mewġ qawwi. Min-naħa l-oħra, huma spiċċaw sofrew xi feriti.

Minbarra l-Pulizija, fil-post issejjaħ tim mediku, li ta l-ewwel għajnuna liż-żewġ feriti qabel ma ttieħdu l-Isptar għal aktar kura. Issejħet ukoll l-assistenza ta’ membri mill-Forzi Armati ta’ Malta biex jinstab il-vittma. Kif ittella’ fuq l-art, sfortunatament, hu ġie ċċertifikat mejjet ftit wara.

Fl-Isptar, iż-żewġ Ukreni l-oħra kienu ċċertifikati li qed isofru minn feriti ħfief.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Yana Micallef Stafrace, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta. Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.