Ambjent Għawdex Lokali

Żewġ applikazzjonijiet biex ikun jista’ jsir żvilupp fuq art ODZ f’Għawdex

Bħalissa għaddejjin żewġ tentattivi  biex art ODZ mhux mittiefsa f’Ghawdex – preciżament fix-Xlendi u fl-Għasri – issir art għall-iżvilupp.

L-Għaqda mhux governattiva Flimkien Għal Ambjent Aħjar fi stqarrija qalet li bħalissa hemm żewġ applikazzjonijiet li bejniethom ikopru madwar 15,000 metru kwadru ta’ art fejn l-istess applikant qed jipprova jbiddel art agrikola għal art li fuqha jista’ jsir żvilupp ta’ blokok ta’ appartamenti. Skont ir-regolamenti attwali, din l-applikazzjoni lanqas għandha tiġi rrifjutata b’mod awtomatiku.

Applikazzjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp hi intiża għal tibdil żgħir fuq art li hi diġa fiż-żona tal-iżvilupp. L-FAA qalet li l-liġi speċifikament tipprojbixxi dan il-mekkaniżmu milli jintuża biex jinbidel l-użu tal-art, kif qed jintalab f’dawn iż-żewġ każi.

L-Għaqda qalet li diġa rajna r-rovina ta’ partijiet kbar ta’ Malta wara snin ta’ żvilupp bla rażan. Issa jidher li l-iżviluppaturi xeħtu ħarsthom fuq Għawdex.

L-FAA wissiet li jekk dawn l-applikazzjonijiet jiġu approvati, dan ikun ifisser it-tmiem ta’ Għawdex u t-tmiem ta’ kull possibilita’ ta’ żvilupp sostenibbli.

Kelliem għall-FAA qal li l-ghaqda tistenna li l-Awtorita’ tal-Ippjanar taghmel dmirha u twaqqaf dawn l-applikazzjonijiet abbużivi. Il-kaos li ħakem lil Malta ma jistax jitħalla jinfirex lejn Għawdex.