Lokali Qorti

ŻVOLTA FIL-ĠURI: Qraba jattakkaw il-karattru tal-vittma u jgħidu li dan kollu ma setax seħħ

Ixejjer iċ-ċavetta tal-washroom fil-Qorti

Il-“washroom” fejn seħħ l-allegat stupru ta’ tifla ta’ 10 snin minn kuġinuha kienet dejjem tkun magħluqa u qatt ma setgħet tinfetaħ minn ħadd. L-unika persuna li għandha aċċess għall-kamra huwa iz-ziju tal-akkużat u l-vittma, li kien jużaha biex fiha jżomm xi għasafar, klieb u annimali oħra.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-istess ziju quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li quddiemha qed jinstema’ l-ġuri ta’ żagħżugħ li jinsab akkużat bl-istupru ta’ kuġintu meta kellha 10 snin, u li kien ilu jikkorrompiha għal seba’ snin sħaħ, bejn l-eta’ ta’ seba’ u 14-il sena.

Numru ta’ familjari tal-akkużat u tal-vittma telgħu bħala xhieda tad-difiża u ħafna minnhom iddeskrivew lill-vittma bħala pussessiva, “bossy” u ambizzjuża. Iz-ziju qal li l-akkużat qed jgħix mal-ġenituri tal-għarusa tiegħu bħalissa. Tenna li ċ-ċavetta dejjem tkun fuqu, u fuqu biss – u propju f’dan il-ħin huwa beda jxejjer iċ-ċavetta fil-Qorti.

Xehed li darba minnhom kien ħalla ċ-ċavetta warajh u ħassu li kien se jiġġennen. Qal li l-għasafar qishom it-tfal tiegħu u li qatt ma raha lill-vittma fil-washroom, fejn qal li huwa jqatta’ ħafna ħin fil-kamra, tant li normalment jagħmel hemm min x’ħin jisbaħ sa ma jidlam. Huwa qal li jħalli l-post biss biex imur jixtri s-sigaretti.

Ix-xhud qal li l-akkużat ġieli tela’ ftit ħdejh biex jitolbu xi sigarett. Kompla li kien ikun hemm ħafna nies id-dar, inkluż il-ġirien. Dwar l-allegata vittma, iz-ziju qal li kienet daqsxejn duttura, jekk ma tkellimiex, lanqas biss tkellmek.

Ġara, anzjana ta’ 85 sena, qalet li hija kienet ilha toqgħod in-naħa l-oħra tat-triq għal 38 sena, madwar 10 madumiet il-bogħod. Qalet li d-dar dejjem kienet tkun mimlija nies, qiesha każin tal-banda.
Meta x-xhud kienet mistoqsija dwar it-tifla, din qalet li ma tantx għandha karattru sabiħ, u ambizzjuża ħafna. “Kont nismagħha titkellem ma’ ommha, u dejjem moħħha biex tikkmanda. Dejjem moħħha biex tkun aqwa minn ħaddieħor”.

Ix-xhud kompliet tgħid li in-nies dejjem kienu ġejjin u sejrin mid-dar, bil-bieb dejjem miftuħ. Dwar l-akkużat, ix-xhud qal li kienet ilha tafu minn mindu kien għadu tifel, u li kien ilu joħroġ ma tfajla bis-serjeta għal ħafna snin.

Fuq mistoqsija tal-Prosekuzzjoni, l-anzjana qalet li t-tifla kienet tmur ma’ ommha biex tiekol għand nannietha u titlaq. “Hija tfajla kwieta, imma wisq ambizzjuża u trid tpoġġi lil kulħadd taħtha,” kompliet ix-xhud.

Kompliet tgħid li l-akkużat kien ikun għax-xogħol għal ħin twil u meta ma kienx ikun xogħol, naf li kienu ikun id-dar jilgħab xi logħob u fuq l-internet. Mistoqsija jekk kienitx taf dwar fuq xhiex qed jiġi akkużat, hija qalet li taf, imma ma temminx. Qalet li ċerta li m’għamel xejn għax lilu tafdah.
Wara xehdet it-tfajla tal-akkużat. Hija qalet li l-għarus tagħha ilu jgħix magħha u mal-ġenituri tagħha għal din l-aħħar sena, minn mindu beda l-każ. Hija kienet taf sew lill-familja tiegħu u anke kienu jmorru l-baħar flimkien. Qalet ukoll li taf lill-allegata vittma, u li hi qatt ma kellha xi tgħid magħha, u taf ukoll li l-vittma ma kienitx “close” tal-għarus tagħha. Qalet li taf fuqha hu li għandha karattru diffiċli u li anke tgħajjat mal-ġenituri tagħha.

L-Avukat Franco Debono qal fil-Qorti li madwar sentejn ilu l-vittma kienet titfa’ ritratti tal-akkużat u l-għarusa tiegħu fuq facebook. Hawn qam ftit tal-battibekk bejn id-difiża u l-Prosekuzzjoni fuq ritratti fuq facebook. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li mhuwiex fl-interess tal-ġustizzja biex dawn jiġu esebiti.

Meta kompliet tixhed it-tfajla tal-akkuzat, mistoqsija fuq kif ħassitha dwar il-fatt li l-għarus tagħha huwa mixli bi stupru, hija qalet li għall-ewwel ħadet xokk, imma wara rrealiżżat li dan ma kienx minnu. “L-Għarus dejjem id-dar, u d-dar fejn qed jingħad li seħħew dawn l-affarijiet hija wisq żgħira u dejjem mimlija bin-nies.

Ix-xhud qalet li l-vittma mhux biss hija pussessiva, imma wkoll thobb ħafna l-attenzjoni. Tant kemm huwa hekk, qalet ix-xhud – li kienet tirriffjuta l-ikel fuq il-mejda, biex xi ħadd joqgħod jgħidilha, “kul xi ħaġa sabiħa”.

Xehed ukoll missier it-tewmin, li allegatament kienu preżenti meta darba minnhom kien seħħ l-abbuż. Huwa qal li t-tfal qatt ma qalulu xejn dwar dan, jew li raw xi ħaġa issir. Qal ukoll li t-tifla moħħha biex tikkmanda lil ommha u lil missierha. Kienet tħobb titkellem u tirraġuna, imma jekk tkun trid xi ħaġa, tibqa’ sejra biha sakemm teħodha.

Xhud ieħor xehed fil-video conference kien il-kuġin tal-vittma, li jiġi wieħed mit-tewmin li allegatament quddiemu saru xi atti mmorali. Dan qal li zitu kienet xi kultant tmur il-post meta l-vittma ma kienitx tkun hemm. Din kienet tmur hemm fil-Ħdud għall-ikla ta’ nofs inhar, u din kienet l-unika ġurnata fejn l-akkużat u l-vittma kienu jkunu flimkien.

Dan qal li l-akkużat kien moħħu biex jilgħab fuq il-playstation u hu kien ikun il-ħin kollu maġenbu. Mistoqsi jekk il-vittma kienitx tkun magħha, ix-xhud qal li rari ħafna, jekk kienet tkun hemm, kienet tkun fuq il-mobile u fejn ir-router tal-internet.

Il-kuġin qal ukoll li kienet tkun dejjem ommu li tpoġġi li t-tewmin fis-sodda. Qal ukoll li ma tantx iħobb jitkellem mal-vittma, minħabba li għandha karattru li tippretendiha ħafna, u li ma tantx kien jaqbel magħha. Mistoqsi għaliex huwa kien ibblokkja lil vittma fuq Facebook hu qal li ma kienx jafdaha u ma riedx li hija tivvinta xi ħaġa oħra.

Qal li huwa kien sema’ l-verżjoni tagħha mill-aħbarijiet, minn mindu hija akkużat lil kuġinuh qal, li qatt ma tkellem magħha. Qal ukoll li hija tgħir ukoll għal oħtha ż-żgħira, li tkun trattata b’mod speċjali għax għandha kundizzjoni.

“Eżempju tal-komportament tagħha huwa li kienet qagħdet tinkini għax jien weħilt mill-Maths fejn qalet li hi kienet għaddiet, biex oħtha imbagħad qaltli li kienet weħħlet u spiċċat tibki l-lejl kollu għax fil-verita’ ma kienitx għaddiet.

“Qabel kien seħħ dan il-każ konna familja maqgħquda, issa la nkellem lilha u lanqas lil familja tagħha. Dan kollu gideb. Impossiblli li dan kollu ġara. Mhux biss il-post huwa żgħir, imma hemm mera li turi kollox, ma jistax ikun li seħħew dawn l-affarijiet”.

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Anita Giordmaina qed jidhru għall-akkużat filwaqt li l-Avukati Matthew Xuereb, Nadia Attard u Charles Mercieca mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni.