It-tim ta’ McLaren ħatar lill-Ġermaniż. Andreas Seidl, bħala direttur maniġerjali tat-tim bil-għan li jerġa’ isir forza f’dan l-isport wara sensiela ta’ staġuni deludenti.
It-tmexxija ta’ McLaren – li ddiżappuntaw bis-sħiħ fl-istaġun li għadda — iddeċidiet li Seidl hu l-aħjar għażla biex jassumi ‘responsabbiltà diretta’ għat-tim taħt il-Kap Eżekuttiv, Zak Brown ( li għandu awtorità fuq l-attivitajiet kollha ta’ McLaren li huma konnessi mat-tlielaq) u l-bord tad-diretturi.
Dan meta Seidl, li għandu 46 sena, kiseb reputazzjoni tajba ħafna għall-ħidma tiegħu mal-Porsche fil-World Endurance Championship – b’Zak Brown qed ifaħħru bħala ‘persuna kapaċi li għandu wkoll rekord ta’ suċċessi’.
Seidl, li kien involut fil-Formula 1 mal-BMW, bejn l-2000 u l-2009, ma ngħatax data fissa biex jibda jaħdem fir-rwol ġdid, peress li McLaren għadhom ma qablux mal-Porsche dwar id-data għal meta l-Ġermaniż jista’ jiddedika ruħu kompletament għall-impenn ġdid.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-konferma tar-rwol ma’ McLaren, Seidl qal li dan, għalih, se jkun privileġġ u li hu qed iħares ‘il quddiem b’ħerqa għal din l-isfida. Hu irrefera għall-istorja u l-kontribut ta’ McLaren għall-Formula 1 waqt li spjega li din hi opportunità rari għalih biex ‘iżid mal-wirt speċjali ta’ dan it-tim fl-isport partikulari’.
Sadanittant, Andreas Seidl hu fiduċjuż li t-tim ta’ McLaren ‘għandu l-viżjoni u l-esperjenza’ biex jirritorna fil-quċċata tal-Formula 1 u meta din se tkun il-proprja missjoni tiegħu, bħala parti mill-istrateġija ta’ McLaren għat-tul taż-żmien.
//= $special ?>