Futbol Sport

FUTBOL FRANĊIŻ: Il-plejers ta’ PSG kritikati wara l-eliminazzjoni mit-Tazza

Il-kowċ taċ-Champions Franċiżi, Paris St Germain, qal li l-plejers tiegħu ma kenux ikkonċentrati biżżejjed filwaqt li naqsu milli juru l-ispirtu kumbattiv fl-eleminazzjoni sorpriża kontra Guincamp fit-Tazza (League Cup) Franċiża.

It-telfa waslet wara 44 rebħa konsekuttiva għal PSG fit-Tazza domestika u l-kowċ tal-Pariġini, Thomas Tuchel, ilmenta għall-fatt li ‘sfumat l-opportunità għar-rebħ ta’ unur’.

Paris St Germain għandhom vantaġġ komdu bħala liders ta’ Ligue 1 filwaqt li jibqgħu favoriti għas-sitt titlu f’seba’ staġuni. Madankollu, Tuchel u l-plejers għadhom ‘ixxukkjati’ wara li Guingcamp ikkonvertew żewġ penalties, tard fil-logħba tal-Erbgħa, biex biddlu telfa f’rebħa. Dan wara li Neymar kien ta l-vantaġġ temporanju lil PSG b’daqqa ta’ ras fit-63 minuta.

Filwaqt li, fl-aħħar snin, naqsu milli jħallu impatt partikulari fiċ-Champions League, PSG ma sabuhiex diffiċli biex ikaxkru l-unuri domestiċi — bl-eliminazzjoni tagħhom, issa, tasal f’kompetizzjoni li huma rebħu għal dawn l-aħħar ħames staġuni.

Tuchel irrimarka wkoll li l-plejers setgħu niżlu għal din il-logħba b’kunfidenza żejda u li Guingcamp qamu għall-okkażjoni kontra kull mistenni fejn kien jimmeritahom ir-rebħa għar-reazzjoni qalbiena.

Paris St Germain, fi tmiem il-ġimgħa, jilgħabu kontra Amiens barra minn darhom f’konfront tal-kampjonat; b’Tuchel jinsisti biex il-plejers tiegħu jinsew id-disfatta ma’ Guingcamp u jkomplu bil-forma li urew fl-aħħar impenji tal-league.