Il-Korp Diplomatiku Malti, kompost mill-ambaxxaturi f’Malta, żar lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista l-Ħamis.
Dan hekk kif bħal kull sena, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista sar l-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’dinja li qed tinbidel malajr, neħtieġu aktar minn qatt qabel soċjetà li jimpurtaha, li tader u tħenn għal kulħadd, b’mod speċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli.
Adrian Delia elenka kif f’dawn l-aħħar jiem, fl-ibħra territorjali Maltin kien hemm umani tad-demm u laħam fuq bastiment bejn sema u ilma jistennew xortihom meta l-politiċi Maltin ma’ dawk Ewropej kienu għal 3 ġimgħat mhedija jfettqu fil-liġijiet biex isibu żblokk għas-sitwazzjoni. Fid-dawl ta’ dan appella biex id-dinjità umana tiġi qabel l-irwoli politiċi rispettivi.
Semma diversi sfidi li bħala nazzjon qed naffaċjaw f’kuntest dinji, fosthom il-Brexit, li qed tħalli inċertezza fost il-popli. Saħaq ukoll li hija r-responsabbiltà ta’ Malta li tgħin fl-instabbiltà fir-reġjun Mediterranju, fosthom l-Afrika ta’ Fuq u Lvant Nofsani.
//= $special ?>