Lokali

Irridu soċjetà li verament tħares lill-anzjani bl-akbar dinjità

“Għandu jiġi rikonoxxut il-valuri tal-anzjani fis-soċjetà. Irridu soċjetà li tħares lill-anzjani bl-akbar dinjità,” hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’diskors imqanqal waqt dibattitu mal-membri tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) li qasmu miegħu l-esperjenzi tagħhom.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’soċjetà li jimpurtaha għandna nitgħallmu mill-għerf tan-nanniet, li għandu valur imprezzabbli. Huwa qal li l-anzjani huma teżor tal-valur, l-memorji u l-esperjenzi li rridu ngħadduhom lil uliedna. Adrian Delia qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jħares lejn il-pensjonanti bħala piż fuq is-soċjetà. Dan għaliex il-pensjoni hija dritt tal-anzjani, li jkunu għamlu ħajjithom jaħdmu.

Adrian Delia qal li huwa tal-mistħija li wara li jkunu għamlu ħajjithom jaħdmu, l-anzjani ma jkollhomx garanzija ta’ ħajja diċenti. Huwa qal li hawn anzjani li qed ikollhom iħallsu kirjiet għoljin u oħrajn li qed jaffaċċjaw diffikultajiet biex jixtru l-mediċini jew biex jgħixu b’dinjità. Anzjani li jkollhom jagħżlu bejn jagħtu xi ħaġa lin-neputijiet jew inkella jixtru l-mediċina.

Hu qal li dawn huma realtajiet li l-Gvern ma jridx jitkellem dwarhom. Dan għaliex l-uniku pjan tal-Gvern huwa li jkompli jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni flok bil-produzzjoni. Adrian Delia qal li rridu nibdew naħdmu fuq soluzzjonijiet kif se ninvolvu aktar lill-anzjani fis-soċjetà. Dan sabiex nagħtu valur lill-anzjanità bi pjan fit-tul fejn niggrantixxu pensjonijiet diċenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mill-Oppożizzjoni rridu nfasslu pjan fit-tul biex l-anzjani jkollhom garanzija ta’ pensjoni diċenti, mingħajr ma jgħixu fl-inkwiet li se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom jew li mhux se jaslu sal-aħħar tax-xahar. Qabel dan id-dibattitu mal-membri tal-APAN li kien immexxi mill-President Mario Rizzo Naudi, inżammet minuta silenzju b’tislima lil Dr Herbert Messina Ferrante.