Sport Sport Ieħor

Kyle Camilleri jkompli jiddomina Klassi A tal-Kampjonat Motocross bit-tielet rebħa tal-istaġun

(Ritratt: Mario Micallef)

Il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat it-tielet attività tal-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross. B’kollox irreġistraw 19-il kompetitur fi tliet klassijiet.

Kyle Camilleri fuq KTM kompla jiddomina Klassi A meta rreġistra t-tielet rebħa tal-istaġun. Hu rebaħ il-kwalifikazzjoni u kompla jiddefendi l-ewwel post tul iż-żewġ heats tal-ġurnata. Hu kien dejjem segwit minn Bernard Sammut fuq Beta u ż-żagħżugħ Mark Mamo fuq Yamaha li spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.

Klassi B kienet dominata minn Daniel Caruana fuq Honda. Hu kellu jikkumbatti ma’ Gary Debono fuq KTM. Fl-ewwel heat Debono ħareġ quddiem Caruana iżda tal-aħħar sab l-okkażjoni biex għeleb lil Debono u ħa t-tmun tat-tiġrija sat-tmiem. Fit-tieni heat, Caruana kompla jiddefendi postu bi ħruġ tajjeb u żamm l-ewwel post minkejja l-isfida ta’ Debono. Matthew Gauci spiċċa t-tielet fuq Beta.

Fil-Klassi tal-Veterani, Paul Deguara fuq KTM spikka meta ddomina l-klassi. Hu rebaħ il-kwalifikazzjoni kif ukoll iż-żewġ heats tal-ġurnata. B’hekk hu rreġistra l-ewwel rebħa tiegħu f’dan l-istaġun. Hu kien segwit minn Jethro Sant fuq Yamaha u William Sant fuq Honda.

Intant, l-ASMK ħarġet id-data ta’ reġistrazzjoni għan-nisa kollha interessanti li jieħdu sehem fid-Demolition Derby riservata għan-nisa biss. Ir-reġistrazzjoni se ssir u tagħlaq il-Ħamis 24 ta’ Jannar fejn dakinhar issir ukoll laqgħa għall-parteċipanti kollha. Il-laqgħa se ssir fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u tibda fit-8.00pm.

Il-Ħadd li ġej ikomplu l-Kampjonati tal-ASMK hekk kif fil-Kumpless Sportiv tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali ssir it-tielet attività tal-Kampjonat Nazzjonali Autocross Pasta Poiatti. L-attività tibda fl-10.00am. Il-Ħadd ukoll issir it-tielet attività tal-Kampjonat Nazzjonali tat-Trials. Din ser issir f’Pembroke u tibda fl-10.00am.

Għal aktar informazzjoni, dawk interessati jistgħu jidħlu fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi jew jagħmlu kuntatt b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.

Tags