L-uffiċċju tal-Ombudsman ikkundanna l-kiri ta’ jet privat mill-Awtorità tal-Ippjanar biex membru tal-istess Awtorità jkun jista’ jattendi s-smiegħ għall-iżvilupp fl-art magħrufa bħala tal-ITS biswit il-bajja ta’ San Ġorġ.
Il-jet privat ġie jiswa kważi €9000, u l-Kummissarju għall-Ambjent fi hdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li bil-mod kif saru l-affarjiet jista’ jiġi interpretat daqs li kieku kien hemm indħil mhux ġustifikat fuq id-deċizzjoni tal-persuna li nġiebet bl-ajruplan privat, Jacqueline Gili.
Il-kummissarju qal li la l-Awtorità u wisq aktar l-Eżekuttiv ma jistgħu jintervjenu biex membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ikunu preżenti fil-laqgħat – fi kliem qasir, ċanfira ċara mill-Uffiċċju tal-Ombudsman għal din il-mossa tal-private jet illi kienet ġiet żvelata mis-sit Newsbook.
Adrian Delia sostna li għandna sitwazzjoni fejn l-Awtorità tal-Ippjanar qed tiddeċiedi mingħajr ma tqis il-konsegwenzi tagħha.
L-Ufficcju tal-Ombudsman sostna li wara kollox ghandu jkun hemm dejjem il-libertà tal-individwu fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, li jattendi, jisma’ u jieħu deċizzjoni minn jheddu fuq dak li jkun qiegħed jara quddiemu.
Johann Buttigieg, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar, awtorizza l-ħlas ta’ €8,750 biex jintuża jet privat sabiex iwassal lejn Malta u lura lejn Sqallija lill-membru tal-Bord Jacqueline Gili li kienet tinsab fuq btala privata.
Dwar dan il-Gvern Laburista kien qal li se tittieħed azzjoni, però sa issa għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni. B’Joseph Muscat u anki Ian Borg jaħarbu mir-responsabbilità ta’ dan l-aġir, hekk kif inħbew wara l-awtonomija ta’ dawn l-istituzzjonijiet.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kap Adrian Delia kien qal li każ bħal dan juri illi l-Gvern ma jafx fejn tibda u tispiċċa l-governanza tajba. Adrian Delia sostna li għandna sitwazzjoni fejn l-Awtorità tal-Ippjanar qed tiddeċiedi mingħajr ma tqis il-konsegwenzi tagħha, u kważi €9000 minn flus il-poplu intużaw b’kapriċċ.
//= $special ?>