Sport Sport Ieħor

TENNIS: Arrestati fi Spanja fost investigazzjoni dwar ‘match-fixing’

Uffiċjali għall-infurzar tal-liġi fi Spanja arrestaw 15-il persuna waqt investigazzjoni dwar match-fixing fit-tennis li kien organizzat minn grupp ta’ kriminali mill-Armenja.

Il-Gwardja Ċivili Spanjola qalet li madwar 83 persuna huma implikati fil-każ u li dawn jinkludu 28 plejer mit-tournaments ta’ ITF Futures u Challenger.

Fost l-arrestati hemm il-plejer tat-tennis Spanjol, Marc Fornell-Mestres li fl-aħħar tal-2018 kien fl-1,007 post tar-rankings. L-istess Fornell-Mestres, ix-xahar li għadda, kien sospiż mit-Tennis Integrity Unit bħala parti minn investigazzjoni kontra l-korruzzjoni.

Il-Gwardja Ċivili Spanjola qalet ukoll li plejer implikat fl-investigazzjoni kien ħa sehem fil-US Open tas-sena li għaddiet.

Dan waqt li l-aġenzija tal-pulizija Europol sostniet li saru tfittxijiet f’talanqas ħdax-il residenza fi Spanja, u li fihom inħatfu flus kontanti ekwivalenti għal 167,000 ewro, flimkien ma’ arma tan-nar. Il-pulizija elevaw ukoll diversi tagħmir elettroniku, karti tal-kreditu, xi karozzi lussużi u forom ta’ dokumentazzjoni relatati mal-każ. Ir-rapporti rreferew anki għal ’42 kont bankarju li spiċċaw friżati’.

Il-Europol qalet, fi stqarrija speċifika, li ‘is-suspettati xtraw lill-plejers professjonali biex jiggarantixxu riżultati predeterminati u fejn intużaw l-identitajiet ta’ eluf ta’ ċittadini biex isiru l-imħatri fuq il-logħob irranġat’.

Dan fost allegazzjonijiet li grupp ta’ kriminali Armeni użaw tennista professjonali li serva bħala ‘kuntatt’ bejnhom u l-kumplament tal-entità kriminali inkwistjoni.

Ingħad ukoll li ladarba konkludew ix-xiri tar-riżultati, l-Armeni inkwistjoni kienu jmorru fil-postijiet fejn kien qed isir il-logħob biex jaċċertaw ‘li l-plejers indikati kienu qed iżommu tassew mal-wiegħdi li tawhom qabel’.

Dan l-aġir kriminali fl-isport tat-tennis jidher li kien ilu għaddej minn talanqas Frar tal-2017. L-investigazzjoni bdiet fl-2017 wara li t-Tennis Integrity Unit (TIU) saret taf dwar ‘attivitajiet irregolari’ rigward it-tbagħbis ta’ riżultati fit-tournaments.