Għalkemm iċ-Champions Taljani, Juventus, huma favoriti li jiksbu s-servizzi tal-midfielder ta’ Arsenal, Aaron Ramsey, hemm ukoll rapporti li l-plejer internazzjonali ta’ Wales għad ma għamilx deċiżjoni finali, meta se jikkunsidra l-offerti mingħand numru ta’ klabbs importanti madwar l-Ewropa.
Il-ħolma ta’ Ramsey – li l-kuntratt mal-Gunners jiskadi fl-aħħar tal-istaġun – sa minn tfulitu kienet li hu jilbes il-flokk ta’ Barċelona fil-kampjonat Spanjol. Madankollu qed jingħad li Juventus, fil-preżent, huma ‘l-għażla favorita’ tal-plejer anki jekk Ramsey, li għandu 28 sena, mhux se jgħaġġel fid-deċiżjoni dwar il-kumplament tal-karriera tiegħu.
Rapporti oħra qalu li l-attakkant ta’ Real Madrid u Wales, Gareth Bale, qed iħeġġeġ lil Ramsey biex jissieħeb miegħu mal-‘Los Blancos’. Fl-istess ħin, iċ-Champions Franċiżi Paris St Germain ukoll qed juru interess kbir f’Ramsey, l-istess bħaċ-Champions Ġermaniżi, Bayern Munich u l-klabb tas-Serie A, Inter.
Intant, Ramsey għandu wkoll l-għażla li jibqa’ fil-Premier League Ingliż, fost rapporti li, f’dan ix-xenarju, ikun jixtieq li jissieħeb ma’ Liverpool.
Ladarba l-plejer jikkonferma l-għażla, hu għandu jiffirma ftehim ‘pre-contract’ mal-klabb inkwistjoni waqt li jkun suġġett għal eżami medika qabel l-aħħar tax-xahar.
Sadanittant, il-manager ta’ Arsenal, Unai Emery, qal li l-Gunners jistgħu jaffordjaw biss li jieħdu l-plejers b’self f’din it-tieqa tat-trasferimenti — bil-klabb tal-Premier Ingliż ma jistax jingaġġa plejers ġodda fuq bażi permanenti. Dan meta Arsenal qed jidhru interessati fil-midfielder ta’ Barċelona, Denis Suarez li, jista’ biss jingħaqad magħhom b’self.
//= $special ?>