Ambjent Lokali

2018 – Diċembru xemxi iktar mis-soltu; 599mm ta’ xita b’kollox

65% tas-sigħat ta’ matul il-jum fl-2018, kienu xemxin, Diċembru tana 40 siegħa xemx iktar mill-medja, u tul is-sena niżlet 599mm ta’ xita.

Diċembru varja fit-temperaturi bejn 19.4 gradi celsius fil-bidu tax-xahar u 5.7 gradi lejn tmiem is-sena u tul dan ix-xahar kellna total ta’ 211.7 siegħa ta’ xemx.

Minkejja li Diċembru kien ikkaratterizzat minn temp bnazzi, l-2018 tatni ftit sigħat inqas ta’ xemx mill-2017.

Lulju kien l-aktar xaħar xemxi u niexef u ra biss 0.4mm ta’ nida, filwaqt li l-aktar xahar mudlam kien Frar b’136 siegħa ta xemx tul ix-xaħar kollu.

Ix-xita li niżlet f’pajjiżna fl–2018 kienet ferm aktar minn dik tas-sentejn ta’ qabel. Filfatt fl-2018 Malta kellha 599mm ta’ xita, filwaqt li fl-2017 kellna biss 324mm u fl-2016 432mm. Frar kien l-aktar xaħar imxarrab tas-sena li għaddiet, u d-9 ta’ Frar kienet l-aktar jum ta’ Frar li kellu xita sa mill-1923.

Ottubru mbagħad kellu l-akbar numru ta’ jiem bix-xita u kien l-aktar xaħar umdu tas-sena b’medja ta’ 77% t’umdità.

L-aktar jum sħun tas-sena kien it-13 ta’ Lulju fejn it-termometru mmarka 35.7 gradi celsius.