Lokali

9 minn kull 10 għalliema sofrew abbuż fl-aħħar sentejn – MUT

Ħafna kienu ixxukjati b’dak li ġie żvelat din il-ġimgħa fejn stħarriġ tal-MUT wera illi 9 minn kull 10 għalliema soffrew aggressività fuq il-post tax-xogħol fl-aħħar sentejn.

Mistieden fuq il-programm Net Live, Marco Bonnici, President tal-MUT, qal li l-Union ilha snin tinnota żieda ta’ inċidenza ta’ aggressività fil-konfront ta’ edukaturi aggressività li ħafna drabi ġiet mgħarrfa bihom ankè l-pulizija u li dwarhom hemm ċertifikati mediċi u ritratti.

Bonnici qal li din l-istatistika hija realistika ħafna u mar pass oltrè meta qal li l-abbuż verbali ħafna drabi lanqas biss hu rrappurtat ankè f’dan l-istħarriġ.

Il-President tal-MUT spjega kif ċertu diskors kieku jsir barra minn skola, jiġi meqjus bħala theddid, iżda qed jibqa’ għaddej u jindara fl-iskejjel.

Bonnici spjega wkoll kif għalkemm uħud mill-esperjenzi li ħarġu mill-istħarriġ, il-union kient taf bihom, kien hemm ħafna oħrajn li ma ġewx irrappurtati.

Marco Bonnici qal li ż-żieda fl-inċidenza ta’ aggressjoni fil-konfront tal-edukaturi qed tħalli effetti negattivi ħafna fuq is-settur tal-edukazzjoni bir-riżultat li dan l-istess settur qiegħed jattira dejjem inqas żgħażagħ lejh.

Mistoqsi l-Union x’se tagħmel fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, Il-President tal-MUT minbarra li appella sabiex kull każ jiġi rrapurtat, qal li hemm numru tal-SMS fejn qieħed jista’ jirrapporta l-każ tiegħu. Barra min hekk, hu qal li se jiġi pprovdut servizz ġdid ta’ psikoterapista sabiex jgħin lill-edukaturi li jkunu vittmi ta’ dan it-tip ta’ abbuż.

Marco Bonnici temm l-intervent tiegħu billi reġa appella sabiex il-wegħda li kienet saret mill-Gvern li jkun hemm sigurtà ma’ kull skola fl-aħħar titwettaq.