Sport Sport Ieħor

Andy Murray iħabbar b’emozzjoni li kostrett jirtira mit-tennis

(Ritratt: EPA)
L-Open tal-Awstralja jista' jkun l-aħħar tournament tiegħu

Andy Murray ħabbar li se jkun qed jirtira wara t-tournament ta’ Wimbledon dan is-sajf, iżda ammetta li l-Open tal-Awstralja jista’ jkun l-aħħar tournament tiegħu. F’konferenza stampa qabel l-ewwel Grand Slam tas-sena, Murray żvela li l-problema f’ġenbu li kienet u għadha tippersisti fl-aħħar sena u nofs, kienet għadha toħloq l-ostakli għalih.

Il-Britanniku ta’ 31 sena għamel l-operazzjoni sena ilu iżda għadu mhux qed jirnexxilu jilgħab mingħajr uġigħ u qed jikkunsidra li jerġa’ jagħmel operazzjoni oħra biex jassigura kwalità ta’ ħajja aħjar meta jirtira. Murray hu determinat li jibqa’ jilgħab u tal-anqas itemm il-karriera f’Wimbledon, iżda ammetta li mhux ċert jekk jissaportix l-uġigħ fis-sitt xhur li ġejjin.

L-Iskoċċiż, rebbieħ ta’ Wimbledon darbtejn wara li rebaħ l-Open tal-Istati Uniti fl-2012, deher viżibbilment emozzjonat u kommoss meta kien mistoqsi dwar il-kundizzjoni fiżika tiegħu. Hu rritorna ftit minuti wara u sabha diffiċli biex iżomm il-kompożizzjoni tiegħu hekk kif irrealizza li se jkun sfurzat jirtira, irrelevanti mill-prestazzjoni tiegħu fl-Open tal-Awstralja.

“Ovvjament kont qed inbati għal żmien twil u ili b’ħafna uġigħ għal madwar 20 xahar issa. Għamilt prattkament dak kollu li stajt biex ġenbi jkun aħjar u ftit kienet ta’ għajnuna. Ninsab aħjar minn kif kont sitt xhur ilu iżda għadni f’ħafna uġigħ,” qal Murray.

L-Iskoċċiż żied li hu għadu jista’ jilgħab sa ċertu livell iżda mhux f’livell li hu kuntent jilgħab fih. Hu kompla li l-uġigħ hu wisq u saħaq li ma jridx jilgħab b’dan il-mod. Murray żvela li tkellem mat-tim tekniku u tat-tmexxija waqt it-taħriġ fi Florida x-xahar l-ieħor u ta importanza li l-intenzjoni tiegħu hu li jilgħab f’Wimbledon qabel jirtira.

Murray hu skedat li jilgħab kontra l-Ispanjol Roberto Bautista Agut fl-ewwel rawnd tal-Open tal-Awstralja nhar it-Tnejn.