Il-GRTU, li tirrappreżenta s-sidien tal-pompi tal-petrol wissiet li tista’ tieħu azzjonijiet fil-ġranet li ġejjin wara li l-Gvern kompla jkaxkar saqajh dwar għajnuna lill-pompi tal-petrol biex ikunu jistgħu ilaħħqu mal-ħtiġijiet infrastrutturali rikjesti mill-liġi li jridu jkunu daħlu fis-seħħ sa mhux iktar tard mill-2020.
Fi stqarrija, il-GRTU qalet li mhux talli d-diskussjonijiet, li ilhom għaddejjin mill-2014, ma waslu mkien iżda l-Gvern issa qed imur lura fuq dak li kien diġa’ miftiehem sa issa.
Fl-2014, il-GRTU ippreżentat studju dettaljat minn kumpanija indipendenti dwar il-ħtiġijiet ta’ dawn l-operaturi. Iżda filwaqt li saru bosta laqgħat mal-Ministru Joe Mizzi sabiex il-pompi tal-petrol ikollhom l-appoġġ meħtieġ, il-GRTU qalet li jidher li l-Ministru Mizzi qed jilgħab għaż-żmien u qed imur lura fuq progress li diġa’ sar.
L-istqarrija ttemm li l-GRTU ma teskludix li jkun hemm xi azzjonijiet mill-operaturi tal-pompi tal-petrol fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>