Internazzjonali

Il-koalizzjoni anti-ISIS qed tibda l-irtirar mis-Sirja

Il-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti għal kontra l-ISIS bdiet il-proċess tal-irtirar mis-Sirja, b’uffiċjali Amerikani ewlenin itennu li mhumiex se jiddiskutu movimenti tat-truppi u lokalitajiet partikulari biex ma jipperikolawx is-sigurtà.

Il-movimenti jidhru li qed isiru ftit ġimgħat wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar id-deċiżjoni biex joħroġ lill-2,000 suldat Amerikani mis-Sirja. Id-deċiżjoni ssorprendiet lill-alleati ta’ Washington li ssieħbu fil-ġlieda kontra l-ISIS (fis-Sirja) fost ir-riżenja, bi protesta, ta’ Jim Mattis minn Segretarju Amerikan għad-Difiża.

Sadanittant, ir-Russja, li wkoll għandha l-qawwiet fis-Sirja biex jappoġġjaw lir-reġim ta’ Damasku, qalet li ‘kellha l-impressjoni li l-Istati Uniti beħsiebha tkompli bil-preżenza (fis-Sirja) minkejja l-aħbar dwar l-irtirar’.

Fl-istess ħin, ir-residenti fiz-zoni qrib l-aċċessi mis-Sirja lejn l-Iraq qalu li, għalissa, ma raw l-ebda ‘movimenti massiċċi ta’ truppi Amerikani’ fl-inħawi.

Madankollu, id-deċiżjoni ta’ Trump żiedet l-element tal-inċertezza fil-Gwerra tas-Sirja li ilha għal tmien snin u meta ħadd ma jaf eżatt kif l-irtirar se jaffettwa lis-sigurtà fit-territorji Sirjani tal-Lvant u t-Tramuntana fejn hemm il-bażijiet tal-Amerikani.

Kelliema għall-Gvern Russu, issa, qed jgħidu li hu importanti li l-Gvern Sirjan u s-Sirjani Kurdi jibdew djalogu biex jindirizzaw ċerti aspetti, fid-dawl tal-istrateġija għall-irtirar tal-qawwiet Amerikani mis-Sirja. Moska temmen ukoll li ‘it-territorju li kien ikkontrollat mill-Amerikani għandu jkun trasferit lura lill-Gvern Sirjan’.