Internazzjonali

Il-pajjiżi tal-Ewropa jbatu taħt il-qilla tal-borra

Inżul ta’ borra bla waqfien ħoloq kaos f’numru ta’ pajjiżi – b’mod partikulari l-Ġermanja u l-Iżvezja – fejn numru kbir ta’ toroq spiċċaw inaċċessibbli, bl-iskejjel ma jiftħux.

Il-maltemp fil-Ġermanja kellu wkoll konsegwenzi traġiċi, b’tifel ta’ disa’ snin jitlef ħajtu wara li ċediet fuqu siġra li tqaċċtet mill-għeruq. Intant, il-membri tas-Salib l-Aħmar taw l-għajnuna lis-sewwieqa tal-karozzi li spiċċaw weqfin u iżolati fi triq prinċipali fl-Istat Ġermaniż tal-Bavarja. Dan meta s-servizzi tal-ferroviji wkoll ġarrbu l-impatt tal-elementi bl-iskedi jaqgħu lura għal sigħat.

Il-kundizzjonijiet fil-Bavarja kienu partikularment ‘qerrieda u perikolużi’, bil-ħajja normali tispiċċa staġnata f’dinja koperta mill-borra. Is-servizzi tat-trasport fil-lvant u n-nofsinhar tal-Bavarja ntlaqtu l-agħar mill-maltemp, bis-sewwieqa ma jużawx it-toroq minħabba l-munzelli tal-borra li akkumulaw fuqhom, flimkien mas-siġar imqaċċtin.

Numru ta’ sewwieqa qattgħu l-lejl tal-Ħamis weqfin qrib Rosenheim, fejn żewġ sezzjonijiet tal-Autobahn spiċċaw inaċċessibbli lejn ix-xlokk ta’ dan l-Istat Ġermaniż.

It-toroq fiz-zona ta’ Berchtesgaden, qrib il-fruntiera tal-Awstrija, spiċċaw imblukkati mill-borra u l-Armata bagħtet mal-200 suldat biex jgħinu mijiet ta’ persuni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Intant, maltempata qawwija wasslet għall-għeluq tat-toroq fit-Tramuntana tal-Iżvezja. Dan meta rwiefen ‘b’qilla ta’ uragan’ laqtu l-inħawi ta’ fuq tal-pajjiż, b’maltempata bl-isem ta’ ‘Jan’ tħalli ħerba fl-inħawi ta’ Stekenjokk, qrib il-fruntiera man-Norveġja.

L-Awstrija ħadet ftit tan-nifs wara li, fil-jiem preċedenti, niżlu tliet metri borra f’diversi bnadi tal-pajjiż. Tal-anqas seba’ persuni mietu b’kaġun tal-elementi f’dan il-pajjiż u meta żewġ hikers ilhom neqsin minn tmiem il-ġimgħa.

Fl-Iżvizzera, valanga laqtet ristorant ta’ lukanda, bir-riżultat li weġġgħu tliet persuni. Din il-valanga avvanzat tul 300 metru ta’ art mir-reġjun ta’ Schwagalp.