Lokali

Il-Partit Nazzjonalista għandu s-saħħa tal-konvinzjoni u tad-determinazzjoni

Appoġġ qawwi lejn Adrian Delia waqt li jindirizza lill-attivisti fl-iskambji tal-awguri

“Meta l-verità u t-tama jkunu mhedda joħorġu jitkellmu u jersqu ‘l quddiem dawk kollha li jixtiequ u jemmnu fis-sewwa u d-demokrazija. Dawk li jridu leħen ġenwin li jitkellem għalihom se jsibu lill-Partit Nazzjonalista.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività għall-attivisti u l-volontiera tal-partit.

Adrian Delia qal li matul il-ġranet tal-Milied deher ċar li b’mod malizzjuż bdew l-attakki kontrih u kontra l-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li minflok ħarab minn dan kollu mar jiltaqa’ u jitkellem man-nies, ma dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom, li m’għandhomx x’jieklu u dawk li jinsabu fis-solitudni u tgħallem x’inhu l-veru messaġġ tal-Milied. Adrian Delia rringrazzja lil dawk kollha li urew l-appoġġ lilu u l-familja tiegħu.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tas-sewwa, tat-tolleranza u li jemmen li m’għandux għalfejn ikun korrott. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux is-saħħa tal-flus iżda għandu s-saħħa tal-konvinzjoni u tad-determinazzjoni. Huwa stieden lil kull min għandu rieda tajba biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista sabiex ikun hawn oppożizzjoni b’saħħitha kontra dan il-Gvern korrott.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-valur tal-ħajja, u meta l-Gvern jemmen li tmien ċelloli mhix ħajja umana se jsib lill-Partit Nazzjonalista li se jiddefendi l-ħajja u t-tarbija fil-ġuf. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni, se jibqa’ jissielet sabiex iġib l-isptarijiet lura għand in-nies u mhux se jieqaf jitkellem dwar il-mod kif il-Ministru Konrad Mizzi jrid jagħti art tal-poplu bix-xejn lill-privat għall-ispekulazzjoni u l-bini. Dr Delia qal li Gvern Nazzjonalista ġdid se jara li ma jkunx hawn persuna waħda mingħajr saqaf fuq rasha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista se jgħin lil min sejjer tajjeb fis-soċjetà u jagħti l-appoġġ u jgħin ukoll lil dawk li ma rnexxewx, lil min jinsab fil-faqar finanzjarju, lill-pensjonanti sabiex jgħixu ħajja diċenti u lid-dgħajfin u l-batuti. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed jiġġedded u għandu l-konvinzjoni u l-għodda tas-sewwa.