Edukazzjoni Lokali

Il-PN jesprimi appoġġ sħiħ lejn l-għalliema

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-għalliema u jitlob azzjoni vera mill-Gvern quddiem l-istudju tal-Union tal-Għalliema (MUT) u r-rapporti dwar vjolenza fuq l-għalliema.

Fi stqarrija intqal li l-MUT ilha tara l-aggressjoni tiżdied fuq l-għalliema u, minħabba f’dan, għamlet studju li fih irriżulta li kważi 90 % tal-għalliema qalu li kellhom esperjenza ta’ aggressjoni fl-iskola tagħhom fl-aħħar sentejn. Proporzjon inkwetanti ta’ għalliema f’dan l-istudju qalu li jkollhom esperjenza ta’ vjolenza fl-iskola kuljum.

Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli stqarr li l-MUT qed tgħid li mill-istudju jirriżulta wkoll li mhux din il-vjolenza kollha tkun rappurtata, aktarx minħabba biża’ u nuqqas ta’ azzjoni.

Waqt li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja lill-għalliema u jinsisti għal azzjoni ta’ vera, jinnota li r-reazzjoni tal-Ministru Evarist Bartolo turi li l-Gvern Laburista ma jimpurtahx mill-għalliema u mill-istudenti. Il-Ministru tal-Edukazzjoni qed jgħid li mhu se jagħmel xejn. F’kummenti lill-ġurnali, Evarist Bartolo bħal donnu qed jistenna dik li hu stess sejjaħ ‘war zone’ biex jagħmel xi ħaġa.

Il-Gvern Laburista lanqas mhu qed iħares fit-tul biex jiġbed lejn il-professjoni kruċjali tal-għalliema aktar studenti billi jara li min ikun beħsiebu jieħu l-professjoni ta’ għalliem jew għalliema jkun żgurat li jgawdi ambjent sigur.