Bħala preludju għall-Purċissjoni Speċjali tal-75 sena tal-Vara Titulari ta’ San Bastjan, fost għadd ta’ festeġġjamenti li l-Parroċċa Bastjaniża flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan se jtellgħu f’Jannar, hija l-Programm ta’ Mużika Sagra tas-Sibt 12 ta’ Jannar fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi fit-8pm.
Dan il-Programm, bit-tema “Alla tana lilek u aħna ħabbejnik”, se jkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dominic Darmanin li se jmexxi lill-Banda San Sebastjan flimkien mal-kor tat-tfal ta’ Romina Vella.
Fost ix-xogħlijiet li se jiġu esegwiti kollha b’rabta mal-Qaddis Patrun insibu siltiet mill-Oratorio ‘Sebastianus Christianus’, kompożizzjoni ta’ Mro Ray Sciberras fuq kliem ta’ Sebastian Saliba, li l-Premiere tiegħu sar fl-2012 f’Dar il-Mediterran fl-okkażjoni tal-150 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Filarmonika Pinto.
Wara 13-il sena mill-premiere fl-Istitut Kattoliku, il-mużika tal-musical ‘Sebastian‘, xogħol ta’ George Debono fuq kliem ta’ George Saliba, se terġa’ tingħata l-ħajja b’esekuzzjoni ta’ xi siltiet minnu. Imbagħad ikun imiss l-Innu Sinfoniku lil San Sebastjan, ta’ Giovanni Gatt fuq kliem ta’ Pawlu Sammut.
Il-Programm jagħlaq bit-Tislima u l-Innu Popolari lil San Sebastjan, it-tnejn ta’ Vincenzo Bugejna u l-Innu ‘Insellmulek Sebastiano’ ta’ George Debono.
//= $special ?>