L-attakkant ta’ Hibernians Taylon Marcolnio ġie magħżul bħala l-BOV Plejer tax-Xahar għal Diċembru tas-sena l-oħra. Il-plejer Brażiljan ta’ 23 sena, spikka meta skorja tlieta mill-erba’ gowls ta’ Hibernians matul Diċembru biex għenhom jitilgħu fil-quċċata tal-kampjonat flimkien ta’ Gżira United.
Taylon kien fetaħ l-iskor għal Hibernians fir-rebħa ta’ 2-0 li kellhom fuq Senglea Athletic. Hu kien skorja mir-rebound wara li l-gowlkiper ta’ Senglea ma żammx xutt ta’ Bezzina.
Marcolino skorja doppjetta kontra Balzan. Hu kien ġab id-draw għat-tim ta’ Sanderra minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima meta twaqqa’ fil-kaxxa minn Elkin Serrano Valero. Mill-11-il metru l-istess plejer għeleb lil Steve Sultana. Balzan kienu reġgħu marru minn fuq fit-tieni taqsima iżda pront kien Marcolino li ġab id-draw ftit wara meta rċieva ballun fit-tul ta’ Fonseca, għeleb in-nasba tal-offside u antiċipa l-ħarġa ta’ Sultana biex skorja f’lasta vojta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Geoffrey Ghigo ppreżenta t-trofew tal-Plejer tax-Xahar għal Diċembru. Taylon Marcolino għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.
//= $special ?>