Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ġedded it-theddida ta’ emerġenza nazzjonali bil-għan li jikseb il-fondi li jrid għall-bini tal-‘ħajt tas-sigurtà’ mal-Messiku.
Dan meta t-tilwima mad-Demokratiċi (fl-Oppożizzjoni) dwar il-finanzjament tal-ħajt irriżulta fil-paraliżi parzjali tal-Gvern għal 20 jum, b’xi 800,000 ħaddiema federali ma jitħallsux.
Donald Trump, għalissa, ma jridx jiffirma l-leġiżlazzjoni għall-finanzjament tal-Gvern f’każ li dan ma jinkludix l-ekwivalenti ta’ ħames biljun ewro għall-ħajt. Hu irrepeta t-theddida dwar l-emerġenza nazzjonali waqt żjara f’patrol station f’McAllen, fir-Rio Grande Valley ta’ Texas fejn qal li ‘għandu d-dritt li jiddikjara l-emerġenza’ biex jegħleb ir-reżistenza tad-deputati, f’każ li l-Kungress ma japprovax flus għall-bini tal-ħajt.
Din is-sitwazzjoni ta’ shutdown kienet mistennija tkompli u f’liema każ issir l-itwal stat ta’ paraliżi fl-istorja tal-Istati Uniti.
Donald Trump qed jinsisti li l-ħajt hu importanti għall-pajjiż biex jikkonfronta l-kriżi tas-sigurtà dovuta għall-immigrazzjoni illegali. Iżda d-Demokratiċi li jikkontrollaw il-Kamra tar-Rappreżentanti, iqisu l-ħajt bħala ‘ħaġa immorali’ u ‘ħela tat-taxxi’.
//= $special ?>

