Lokali

Il-PN se jibqa’ jkun it-tarka kontra l-inġustizzji – Adrian Delia

“Jien irrid nipperswadi n-nies, jien irrid li nirrapreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, irrid li l-Partit ikun qrib aktar in-nies”

Adrian Delia stqarr dan fuq Radju Malta meta kien intervistat minn Andrew Azzopardi, fejn sostna li l-bibien tal-PN huma miftuħa għad-diskussjoni.

Meta mistoqsi dwar it-tmexxija tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li huwa kien elett bl-aktar mod demokratiku bħala Kap tal-istess Partit. Huwa qal li din kienet sfida li aċċetta u li se jibqa’ jagħmel, li jkun Kap u li jkun il-leħen tan-nies.

Huwa qal li jixtieq li l-Partit Nazzjonalista jerġa jikseb is-saħħa, biex ikun aktar qrib in-nies u Oppożizzjoni li toffri resistenza xierqa fejn ikun hemm ħtieġa. Meta mistoqsi fuq l-aħħar żviluppi li qed ixekklu l-ħidma tal-Partit, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa għandu aktar rieda u grinta biex jaħdem aktar.

“Irridu partit li jfisser għaqda”. Adrian Delia tenna appell biex biex in-Nazzjonalisti kollha jkunu wara l-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li wara li ħafna kienu qed jaraw it-tmexxija l-ġdida bħala theddida, fl-aħħar jiem bdew jiġu fabbrikati messaġġi foloz li kienu qed iduru fuq il-midja soċjali biex jitfgħu dell ikrah fuqu u fuq il-Partit.

“Ma jistax ikun art tal-pubbliku, tal-Maltin u l-Għawdxin, tinbiegħ bi prezz baxx, meta f’pajjiżna hawn nies li m’għandhomx fejn joqgħodu” – Adrian Delia

Meta kien mistoqsi fuq is-saga riċenti tal-immigranti li għamlu jiem sħaħ fuq il-baħar, Adrian Delia qal li l-posizzjoni ta’ Malta fuq dan għandha tkun li m’għandniex inċedu għal tattiċi ta’ ‘bullying’ minn pajjiżi akbar. Madankollu ma nistgħux ma nħarsux il-ħajjiet li jkunu bejn sema u ilma. Adrian Delia qal li jrid li jkollna leħen b’saħħtu biex il-problema tal-immigrazzjoni ma tibqax tikber, u hawn tidħol l-għaqda ta’ Nazzjon quddiem il-bqija tal-Ewropa.

Meta mistoqsi fuq l-iżvilupp tal-Corinthia huwa qal li mhux ġust li art bħal dik ma toħroġx bl-aqwa prezz possibli. Ma jistax ikun art tal-pubbliku, tal-Maltin u l-Għawdxin, tinbiegħ bi prezz baxx, meta f’pajjiżna hawn nies li m’għandhomx fejn joqgħodu. Adrian sostna li jrid juri ġudizzju xieraq lejn din l-art li tiswa kważi biljun ewro.

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi politiċi Adrian Delia qal li ilu xhur jistenna u jistieden lill-Prim Ministru Joseph Muscat għal dibattitu, però s’issa għadna qed nistennew biex dan id-dibattitu jsir.

L-interess tiegħu huwa li jitkellem fuq in-nies li qiegħdin f’xifer ta’ faqar, fil-poplu Malti u Għawdxi kollu li qed ibatu fil-kwiet ta’ darhom, huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkun hemm għalihom.