Lokali

‘Il-politika trid issir biex ħadd ma jibqa’ lura’ – Clyde Puli

Il-politika rridu nagħmluha b’mod li ħadd ma jibqa’ lura. Hekk sostna s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli fil-bidu ta’ Seminar organizzat mill-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista, bit-tema ‘Il-Politika u jien. Għaliex għandi nkun parti?”.

Clyde Puli faħħar il-ħidma ta’ dan il-Kulleġġ, li qed jorganizza attivitajiet ta’ informazzjoni dwar x’relevanza baqalha l-politika.

Tkellem dwar kif il-politika hi missjoni u rrefera wkoll għall-apatija, fejn illum ħafna individwi jaraw li żaqqhom mimlija u għalhekk il-problemi l-oħra jqisuhom bħala sekondarji u li mhux importanti.

Tkellem ukoll dwar il-prinċipju tal-ġid komuni, li ġibnieh mid-Demokrazija Kristjana u li għad għandu importtanza kbira. Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista irid jara kif ikompli jużah sew biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem. Dan kien il-ħsieb tal-Partit meta beda juża’ t-tema Soċjeta Li Jimpurtaha.

L-isfidi ma jonqsux, bis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jgħid li kultant wieħed jiġi bejn ħalltejn fejn qiegħed, iżda m’għandux jinsa l-valuri tal-ħajja, il-familja u r-rispett lejn is-soċjetà.

Clyde Puli temm billi awgura li dan is-Seminar iħalli ħafna frott fost dawk preżenti.

Sadanittant, matul l-attività saru ukoll preżentazzjonijiet mill-akkademiċi mid-Dipartiment tal-Public Policy tal-Università ta’ Malta, Dr George Vital Zammit, il-Professur Edward Warrington u l-Professur Godfrey A. Pirotta.

U fost il-kelliema saru wkoll interventi mill-membri, kif ukoll mill-President tal-Kulleġġ Kandidati tal-Partit Nazzjonalista Charles Selvaggi.