Lokali

Irridu politika ta’ persważjoni u konvinzjoni – Adrian Delia

L-akbar għodda fir-realtà lokali hija l-persważjoni u l-konvinzjoni għax dawn il-prinċipji ma jisfumawx u jibqgħu dejjiema. Dan kien wieħed mill-messaġġi tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, f’seminar organizzat mill-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit, fid-Dar Ċentrali.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista kull ma jmur qiegħed idur man-nies, b’politika li jisma’, jitkellem u li jgħin f’bidla għall-aħjar.

Huwa qal li qed ngħixu fi stat bla ruħ, u għalhekk il-PN irid tassew soċjetà li jimpurtaha, u mhux jibża’ jitkellem u jindirizza l-problemi li ħafna qed jsibu ma wiċċhom. Il-Kap tal-PN qal li partit politiku ma jistax biss iħares lejn is-suċċess, iżda wkoll jaħdem biex isolvi n-nuqqasijiet li jkun hemm, u l-Partit Nazzjonalista f’ħidmietu hekk ħa jibqa’ jagħmel.

Adrian Delia għalaq il-messaġġ tiegħu fejn qal li hu jinsab fil-politika biex ibiddel għall-aħjar il-pajjiż u lill-Partit Nazzjonalista.

Tul din l-attività ta’ diskussjoni tkellmu numru ta’ Kunsilliera, fejn anki esprimew id-diffikultajiet li jsibu ma’ wiċċhom fil-ħidma politika tagħhom.