Sport Sport Ieħor

It-tim Malti tal-handball isofri t-tieni telfa fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni

(Ritratt: The Foto Factory)

Wara t-telfa ta’ 48-21 kontra Georgia lbieraħ, it-tim nazzjonali Malti tal-handball sofra t-tieni telfa meta kien megħlub 38-20 minn Ċipru. It-tim Malti kien biss minn fuq fl-ewwel minuti wara li skorja l-ewwel gowl minn Philip Mifsud.

Iżda ċ-Ċiprijotti ġew f’tagħhom u ftit sekondi wara ġabu d-draw minn Sotiris Prountzous biex marru minn fuq wara ħames minuti u 36 sekondi ukoll b’gowl ta’ Sotiris Prountzous. It-tim ta’ Joe Tanti prova jżomm ir-ritmu mal-avversarji u sa nofs l-ewwel taqsima d-distakk kien biss ta’ żewġ gowls b’Ċipru 7-5 minn fuq.

Iżda Giorgos Christodoulou u Loucas Paraskeva kienu fost il-protagonisti biex Ċipru fetħu vantaġġ ta’ 17-7 sa tmiem l-ewwel taqsima. B’distakk biss ta’ għaxar gowls, kien ċar li ċ-Ċiprijotti riedu aktar gowls fit-tieni taqsima. Ħafna drabi huma kienu qed jiskorjaw tnejn jew tliet gowls ma’ kull gowl Malti u b’hekk id-distakk kompla jikber. Huma spiċċaw rebħu 38-20 iżda minkejja r-rebħa żgur li ma ħarġux kuntenti kemm setgħu.

Dan għaliex b’dan ir-riżultat, Ċipru trid tirbaħ l-aħħar logħba kontra Georgia biex tispiċċa fil-quċċata tal-grupp. Jekk jiġu draw ikunu l-Georgjani li jgħaddu minħabba sitt gowls superjorità fid-differenza tal-gowls. L-aħjar skorers tal-logħba kienu l-Malti Philip Mifsud u Andreas Ioanou li t-tnejn skorjaw seba’ gowls.

Fil-logħba l-oħra, Georgia tħabtu aktar milli mistenni biex għelbu lill-Ażerbajġan 30-25. Il-Georgjani jidher li kellhom aktar moħħhom fil-logħba deċiżiva kontra Ċipru iżda kellhom sfida denji mill-avversarji, tant li kien kważi f’nofs l-ewwel taqsima meta huma marru minn fuq għall-ewwel darba.

Il-vantaġġ inbidel diversi drabi sal-ħin tal-mistrieħ iżda fit-tieni nofs siegħa Georgia xorta kienu aħjar mill-avversarji.

Riżultati u Logħob li jmiss fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera

Il-Ġimgħa: Ċipru v Ażerbajġan 25-17 , Georgia v Malta 48-21

Is-Sibt: Ażerbajġan v Georgia 25-30 , Malta v Ċipru 20-38

Il-Ħadd: Ċipru v Georgia 2.00pm , Ażerbajġan v Malta 4.30pm