Liverpool, il-leaders tal-Premier League, żiedu l-vantaġġ f’ras il-klassifika b’rebħa diffiċli ta’ 1-0 kontra Brighton barra minn darhom. Dan meta r-Reds ta’ Merseyside qed jistennew il-logħba ta’ Manchester City li t-Tnejn se jospitaw lil Wolves fl-Etihad Stadium.
Wara li l-ewwel taqsima ma produċietx gowls, Liverpool żblukkaw ir-riżultat fil-50 minuta wara li Pascal Gross waqqa’ lil Salah fil-kaxxa għal penalty ċar. Inkariga ruħu l-attakkant Eġizzjan li sab ir-rokna tax-xibka għall-1-0 u għas-17-il gowl personali tal-istaġun.
L-ewwel logħba fil-programm tal-Premier League intlagħbet fil-London Stadium fejn West Ham United kisbu rebħa rari, 1-0, fuq Arsenal fid-derby ta’ Londra. Il-gowl importanti skurjah il-midfielder promettenti Declan Rice, fit-48 minuta, bil-gowl – first timer qawwi fis-saqaf tax-xibka — ikun partikolarment memorabbli għal dan il-plejer ta’ 19-il sena peress li hu l-ewwel wieħed tiegħu fil-Premier League.
Interessanti ferm kien il-konfront tan-naħa t’isfel tal-klassifika bejn Burnley u Fulham f’Turf Moor, bil-Clarets jieħdu r-raġun f’logħba movimentata li produċiet tliet gowls. Kienu Fulham li marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti meta l-volley ta’ Andre Schurrle ħalla lill-gowlkiper Heaton iħares. Ir-reazzjoni ta’ Burnley kienet immedjata u fl-20 minuta, il-kross fil-baxx ta’ Jeff Hendrick ħabat ma’sieq id-difensur ta’ Fulham, Bryan għal awto-gowl sfortunat. It-tieni gowl ta’ Burnley kellu jasal tliet minuti wara u anki dan kien awto-gowl, b’Odoi jegħleb lill-gowlkiper tiegħu, Sergio Rico, fuq kross insidjuż ieħor ta’ Hendrick.
Żewġ tims oħra fl-inkwiet serju huma Cardiff u Huddersfield, li spiċċaw fi draw, 0-0, wara konfront, f’Wales, li kien pjuttost nieqes mill-azzjonijiet. Cardiff u Huddersfield huma fost l-anqas tims prolifiċi quddiem il-lasta, bl-attakkanti rispettivi ftit li xejn iħabbtu lid-difiżi, u fejn huma dehru kuntenti b’punt sa mill-bidunett.
Crystal Palace iddiżappuntaw lill-partitarji f’Selhurst Park b’telfa, 1-2, ma’ Watford u wara li l-Eagles kienu għalqu l-ewwel taqsima b’vantaġġ meritat. Il-gowl ta’ Palace wasal fis-37 minuta meta l-clearance ta’ Doucoure, għal Watford, ħabat ma’ sieħbu, Craig Cathcart, bil-ballun jissorprendi lill-gowlkiper, Foster. Iżda f’nofs it-tieni taqsima, Cathcart patta għall-iżball meta sammar ġewwa bir-ras fuq il-korner ta’ Hoebas għall-1-1. Palace dehru maħsuda u seba’ minuti wara, Tom Cleverley għamilhom tnejn għall-Hornets b’volley stupend għar-rokna.
Shane Long skorja l-ewwel gowl tiegħu f’disa’ xhur għal Southampton li għelbu lil Leicester 2-1, fil-King Power Stadium biex inqalgħu miz-zona l-ħamra, b’differenza ta’gowls aħjar minn ta’ Cardiff. Is-Saints kisbu l-vantaġġ minn penalty – wara li Mendy waqqa’ lil Long fil-kaxxa – u b’James Ward-Prowse ma jiżbaljax mill-ħdax-il metru. Fil-45 minuta tkeċċa Valery tas-Saints wara fawl fuq Marc Albrighton iżda sekondi qabel il-mistrieħ, Long approfitta minn żball difensiv biex jagħmilhom tnejn għat-tim ta’ Ralph Hasenhuttl. It-tieni taqsima kienet kolha ta’ marka ‘Leicester’ iżda l-Foxes setgħu jiksbu biss konsolazzjoni minn Wilfred Ndidi (57) li naqqas id-distakk fuq is-suġġeriment ta’ Pereira.
Chelsea għelbu lil Newcastle, 2-1, fil-logħba li ntlagħbet tard fi Stamford Bridge. B’din ir-rebħa, il-Blues naqsu l-iżvantaġġ ma’ Tottenham għal punt, meta Spurs, illum, huma impenjati f’darhom ma’ Manchester United. Pedro kiseb vantaġġ bikri għal Chelsea wara biss disa’ minuti, iżda Newcastle baqgħu jissieltu u Ciaran Clark għamilhom 1-1 ħames minuti mill-mistrieħ. Fit-tieni taqsima, Willian (57) irċieva mingħand Hazard biex isib ix-xibka b’xutt bid-dawwra għall-gowl deċiżiv.
//= $special ?>