Maħdum fl-1763 mill-artist Malti Francesco Zahra, u meqjus bħala wieħed mill-akbar xogħlijiet li qatt ħadem dan l-artist b’qies ta’ 370cm b’550cm, il-kwadru titulari li jinsab fil-Kolleġġata Bażilika ta’ Sant’Elena ta’ Birkirkara bħalissa jinsab għaddej minn proċess ta’ restawr u konservazzjoni.
Il-Kumpanija Atelier Del Restauro mmexxija minn Maria Grazia Zenzani u Valentina Lupo, ġiet fdata għal dan il-proġett mill-Kapitlu tal-Kolleġġata Elenjana.
Ħadna l-kumment ta’ Valentina Lupo fejn qaltilna aktar dwar il-ħidma fuq dan ix-xogħol artistiku. Hija qaltilna li f’Ottubru 2018 tniżżel il-kwadru minn postu sabiex jinbeda l-proġett tar-restawr. Saret dokumentazzjoni grafika u fotografika kif ukoll xi testijiet ta’ tindif sakemm eventwalment inbeda il-proċess dettaljat tat-tindif. Dan il-proċess jinkludi t-tindif ta’ saff ta’ verniċ ossidat, tneħħija ta’ irtokki ta’ żebgħa li saru fil-passat u ħsarat li saru mix-xemgħa bħal akkumulazzjoni ta’ nugrufun u qtar tax-xama’.
Apparti r-restawr tal-pittura fuq it-tila, ser issir ukoll konservazzjoni tal-istruttura oriġinali tal-injam li dan ser ikun modofikat ukoll għal prattiċi moderni biex tkun miżmuma aħjar it-tila. Il-gwarniċ bl-iskultura indurata se jkun konservat ukoll.
Intant ħadna l-kummenti tal-Prepostu, Mons. Paul C. Vella fejn fihom ma naqasx milli jfaħħar il-ġenerożita u l-ħidma tal-Karkariżi. Huwa qalilna l-ħidma fil-Bażilika mhux se tonqos u infatti hemm numru ta’ proġetti pjanati biex ix-xogħol fil-knisja ma’ jonqosx.
Huwa mistenni li l-proċess ta’ restawr jintemm sa’ Lulju li ġej biex il-kwadru jittella’ lura f’postu ftit qabel il-festa titulari ta’ Sant’Elena li tkun iċċelebrata f’Awwissu.
//= $special ?>