Lokali

AĠĠORNATA: Rejd kbir fil-Marsa

Numru ta’ persuni gew arrestati il-Ħadd filgħaxija fi Triq it-Tiġrija l-Marsa wara rejd kbir milll-iskawdra ta’ kontra d-drogi, flimkien mar-Rapid Intervention Unit u l-Pulizija tat-Traffiku.

Fil-post saret tfittxija wara li instab aċidu li jeqred il-provi… tant li kellha tissejjaħ l-għajnuna tal-uffiċjali tal-Pulizija mit-Taqsima Forensika.

Fil-post kellha tissejjaħ ukoll ambulanza minħabba li nstabet persuna taħt effett eċċessiv tad-droga.

Minn tal-anqas ġew arrestati 3 persuni – tnejn minnhom Maltin, raġel ta’ 34 sena residenti l-Ħamrun, raġel ta’ 46 sena mill-Imsida, u Libjan ta’ 29 li joqgħod Marsaskala. Il-Pulizija sabu wkoll sustanzi differenti ta’ droga.

Sorsi fl-inħawi li tkellmu ma’ Net News spjegalna li dan ir-razzett ilu magħruf għall-illegalitajiet. F’parti minnu jgħixu numru ta’ immigranti, waqt li kamra oħra fl-istess kumpless fil-passat kienet famuża għall-prostituzzjoni.

B’rabta ma’ dan il-każ qed issir inkjesta bil-Maġistrat.

Dan huwa t-tieni rejd li sar mill-Pulizija fl-aħħar jiem, wara dak li sar f’Tas-Sliema li fih ġew arrestati tliet persuni oħra.