Fabbrika tal-istainless steel trasferixxiet reċentement f’Bulebel wara li għal diversi snin kienet stabbilità fil-Marsa, dan l-aħħar għalqet il-bibien tagħha u ħalliet lill-impjegati bla pagi għal dawn l-aħħar xhur.
Minn informazzjoni li rnexxielu jikseb il-mument jirriżulta li fl-aħħar snin din il-fabbrika partikulri daħlet f’saga ta’ taqtigħ il-qalb u f’mumenti minnhom il-Gvern ipprova jgħinha direttament milli ppompja flejjes relattivament kbar bl-iskop li l-kumpanija terġa’ taqbad ir-ritmu tal-produzzjoni. Il-kumpanija tipproduċi oġġetti tal-istainless steel u kienet ukoll tesporta l-prodotti tagħha fi swieq internazzjonali.
Madankollu fl-aħħar snin għal numru ta’ raġunijiet l-operat tal-kumpanija beda sejjer lura. L-għadd tal-ħaddiema f’din il-kumpanija kien javviċina t-tmenin persuna.
Nifhmu li f’Diċembru li għadda waqt il-festi tal-Milied, it-tmexxija tal-kumpanija informat lill-ħaddiema li kienet se tagħlaq il-bibien għall-festi għal erbat ijiem u li wara l-operat kien se jissokta bħas-soltu.
Dakinhar ma nħarġu l-ebda pagi lill-ħaddiema li gergru mhux ħażin għall-fatt li għal xahar ieħor ma kenux qed jingħataw il-paga dovuta lilhom.
Ġara li meta l-ħaddiema rritornaw għax-xogħol bħas-soltu, sabu l-bibien magħluqa. Meta xi ħaddiema ppruvaw jagħmlu kuntatt ma’ min imexxi l-kumpanija ftit li xejn ingħataw xi tip ta’ sodisfazzjon… għajr li probabbilment il-kumpanija kienet iddeċidiet li tagħlaq darba għal dejjem l-operat tagħha f’Malta.
Minn informazzjoni li rnexxielu jikseb il-mument jirriżulta li lil hinn mill-pagi li l-kumpanija għandha x’tagħti lill-impjegati tagħha, hemm ukoll ħlasijiet ukoll li hi trid tagħti lil suppliers tagħha kif ukoll lil xi banek.
//= $special ?>