Il-mejtin fl-isplużjoni tas-Sibt fiċ-ċentru ta’ Pariġi issa telgħu għal erba’ wara li l-ħaddiema tas-salvataġġ sabu l-katavru ta’ mara qalb ir-radam ta’ bini.
Dan wara l-konferma li l-isplużjoni li seħħet fl-istabbiliment ta’ furnar kienet swiet il-ħajja ta’ żewġ membri tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien u mara Spanjola. Għexieren ta’ nies oħra spiċċaw midruba fl-isplużjoni li ħalliet ukoll ħsarat kbar.
Il-kawża tal-isplużjoni hi indikata bħala aċċidentali, għalkemm, fi kliem il-Prosekutur ta’ Pariġi, ‘l-awtoritajiet mhumiex jeskludu għal spjegazzjonijiet oħra’.
Ir-rapporti qalu wkoll li, fl-aħħar sigħat, għexieren ta’ firefighters kienu involuti fi tfittxija għal mara li kienet rappurtata nieqs. Dan meta l-katavru li nstab kien għaddej minn proċess tal-identifikazzjoni.
Għalissa xi 150 persuna qed ikunu alloġġjati f’residenzi temporanji minħabba l-ħsarat għall-bini fiz-zona tal-isplużjoni, f’rue de Trevise, fil-qalba tal-kapitali. Filwaqt li għaddejja l-ħidma biex tirrinforza l-bini li ġarrbu l-impatt tal-isplużjoni, qed jingħad li r-residenti jridu jistennew għat-tul taż-żmien qabel jitħallew jirritornaw fi djarhom.
//= $special ?>

