Lokali Parlament

Għada terġa’ tirranka l-ħidma tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista mmexxi mill-Kap Adrian Delia

Għada jiftaħ mill-ġdid il-Parlament għal din is-sena mill-aktar partikulari. Il-Partit Nazzjonalista mmexxi mill-Kap tiegħu Adrian Delia qiegħed jipproġetta li se jkun qed iwettaq ħidma kbira mifruxa fuq diversi lati. Dan sabiex jissokta jixpruna l-aqwa diskussjoni ħalli filwaqt li l-pajjiż jagħmel l-avvanzi ekonomiċi, iż-żgħir u l-vulnerabbli jieħdu wkoll il-benefiċċji ta’ dan il-ġid.

Dawn it-tnax-il xahar li l-Parlament għandu quddiemu mistennija li jkunu ta’ ħidma intensa. Ftit qabel nofs is-sena, eżattament f’April, se jkun hemm tibdil fit-tmun tal-pajjiż. Dan għaliex jasal fi tmiemu t-terminu tal-President Marie Louise Coleiro Preca u jinħatar President ġdid. Il-Partit Nazzjonalista – kif diġà għamel f’din il-leġiżlatura – mistenni jressaq għadd ta’ mozzjonijiet u inizjattivi oħrajn biex hekk ikun qed jagħti kontribut mill-aqwa f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Ħidmet il-Patit Nazzjonalista mmexxija minn Adrian Delia hi mmirata li twassal messaġġ qawwi fost il-poplu Malti u Għawdxi fis-sens li l-Partit verament irid ikun gvern alternattiv.

Adrian Delia fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista minn sena u nofs ’l hawn wiret sitwazzjoni ta’ defiċit f’voti ta’ 40,000. Il-mira tiegħu sa mill-bidu nett kienet dik li jindirizza dan id-defiċit qawwi – l-akbar wieħed li qatt kellu l-Partit Nazzjonalista fl-istorja tiegħu – biex hekk il-Partit jerġa’ jibda jinbena ftit ftit.

F’din is-sena u nofs il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia rnexxielu jibda jpoġġi s-sisien għall-bini mill-ġdid tal-Partit Nazzjonalista biex verament jerġa’ jsir l-għażla naturali tal-elettorat Malti u Għawdxi.